Meta fil-Qorti kompliet il-kumpilazzjoni b’rabta mal-każ ta’ qtil ta’ Sylvester Farrugia, raġel xehed dwar dak li sema’ fis-sigħat bikrin tat-tnax ta’ Frar li għadda.
Brandon Vassallo spjega li għal ħabta tas-siegħa u nofs ta’ filgħodu kien fuq sufan f’residenza fi Triq Għabex fil-Marsa meta f’ħin bla waqt sema’ żewġ tiri li kienu qishom sparar tan-nar tal-festa. Ftit wara sema’ żewġ tiri oħra filwaqt li persuna oħra residenti fl-istess triq xehdet li rat ħafna tixrid tal-ħġieġ mal-art.
Fl-awla xehdet ukoll Isabella Galea, il-pulizija li hi u sejra għax-xogħol filgħodu kmieni għaddiet minn Triq Simpson u sabet il-ġisem bla ħajja ta’ Farrugia. Hija aċċennat li talbet għall-assistenza imma ma missitx il-ġisem mitluq f’karozza misruqa.
F’dan il-każ hemm Deniro Magri ta’ 27 sena mixli bil-qtil. Id-difiża mmexxija minn Giannella de Marco, Jean-Luca Caruana Curran, Franco Debono u Marion Camilleri qed targumenta li Magri spara biex jiddefendi ruħu wara li allegatament Farrugia u żewġ persuni oħra marru biex jaħarqu l-bieb ta’ fejn kien l-akkużat.