Parti minn Triq Tigne f’Tas-Sliema ġiet imsemmija għall-ewwel Sindku ta’ din il-lokalità Robert Arrigo, li serva wkoll bħala membru Parlamentari bejn l-2003 u l-2022 fuq l-10 distrett, li jinkludi lil Tas-Sliema.
Arrigo kien viċi kap tal-Partit Nazzjonalista u attivist f’dak kollu li hu Slimiż. Hu kien waqqaf kumpanija fil-qasam turistiku li kienet ta’ servizz għal aktar minn tliet miljun turist f’dawn l-aħħar 40 sena. Bħala persuna pubblika kellu għadd ta’ karigi importanti mat-timijiet tal-futbol ta’ Tas-Sliema, Gżira Utd u dak tan-Neptunes fil-waterpolo.
Is-sena l-oħra s-Sindku John Pillow flimkien mal-kunsilliera f’Tas-Sliema qablu unanimament biex tinsab triq jew parti ta’ triq biex tingħata isem għal Arrigo, fejn intagħżlet parti minn Triq Tigne, bejn Triq Ċensu Scerri u Triq Sant’Antnin. Il-Kunsill ħa ħsieb li l-isem ta’ Triq Tigne ma jintilifx kompletament, minħabba li hu marbut storikament ma’ Tas-Sliema.
Is-Sindku John Pillow kien ikkwotat jgħid f’sezzjonijiet tal-midja li hu ta’ unur kbir għall-Kunsill li parti minn Triq Tignè tissemma għal Robert Arrigo, u li dan l-isem ġie approvat mill-awtoritajiet wara l-proċeduri meħtieġa kollha.
Sadanittant ONE News hu infurmat li r-residenti ta’ din il-parti ta’ Triq Tignè, qrib Forti Cambridge, fejn hemm iżjed minn 350 familja fil-blokok ta’ appartamenti li jeżistu, mhux qed jaċċettaw din il-bidla u qed jargumentaw li l-valur tal-proprjetà tagħhom ħa jonqos, għalkemm dan il-punt qatt ma ssemma waqt il-protesta paċifika organizzata s-Sibt filgħodu.
Ir-residenti qed jisħqu li huma qatt ma ġew ikkonsultati dwar it-tibdil fl-isem tat-triq tagħhom mill-Kunsill Lokali ta’ Ta’ Sliema.
Tibdil f’isem ta’ triq joriġina mill-Kunsill Lokali u jintbagħat lill-Kumitat għall-Ismijiet tat-Toroq, fejn ikun diskuss u jekk ikun xieraq, il-kumitat imbagħad japprovah. Wara jintbagħat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru għall-approvazzjoni u jkun ippubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern, kif sar f’dan il-każ, f’Novembru li għadda.