Sliema Wanderers rebħu l-IFF Youth Futsal League wara li għelbu lil Birkirkara FC 12-11 bil-logħba li kellha tmur sal-għoti tal-penalties.
Kienet logħba ferm sabiħa u inċerta sal-aħħar b’Birkirkara li stabilixxew vantaġġ ta’ tliet gowls iżda bi Sliema li wettqu reazzjoni f’waqtha fit-tieni taqsima tant li ġabu l-iskor indaqs bil-logħba li marret għall-ħin barrani.
Anke hawn Birkirkara reġgħu ħadu l-vantaġġ wara żewġ free shots iżda l-Blues baqgħu jiġru wara l-avversarji fejn fl-aħħar sekondi ġabu d-draw drammatiku ta’ 6-6 li ħadet il-logħba sal-għoti tal-penalties li eventwalment rebħuha.
Sliema skorjaw permezz ta’ doppjetta ta’ Juan Felipe Belfiore u goals oħrajn ta’ Samuel Vassallo, Zack Agius, Jeaniro James u Edward Nardelli.
Birkirkara sabu x-xibka b’doppjetti ta’ Dwayne Pullicino u Luca Suda b’Luke Spiteri jżid ieħor għat-tim tiegħu.
Fl-għoti tal-penalties, Sliema rebħu 6-5.
Fi tmiem il-konfront, il-viċi-president tal-MFA Dr Matthew Paris ippreżenta t-tazza lill-captain ta’ Sliema Wanderers Samuel Camilleri.
Sadanittant f’finali oħra eċitanti, Marsaskala rebħu l-MFA Youth Futsal Challenger Cup meta għelbu lil Pembroke Athleta 4-3.
L-Iskalin skorjaw il-gowls tagħhom b’doppjetta ta’ Ahston Lee Gouder u gowls oħrajn minn Diego Zammit u Mirko Gorlubovic.
Pembroke naqqsu l-iskor minn Nick Stivala. Benjamin Bonello Ghio u awtogowl ta’ Dzmitry Staseu.