Sliema Wanderers rebħu d-derby tax-xatt meta għelbu lill-ġirien iżda rivali, Gzira United bl-iskor ta’ 2-0, biż-żewġ goals għalihom jaslu fit-tieni taqsima.
Kienet partita li setgħet tmur kull naħa bil-Maroons ikunu l-aħjar team fl-ewwel taqsima, madankollu, fit-tieni taqsima, Sliema, wettqu reazzjoni mill-aqwa u ta’ dan ġew ippremjati permezz tal-goals li tawhom tliet punti prezzjużi.
Permezz ta’ dan ir-rebħa, il-Wanderers, komplew isaħħu t-tielet post fejn issa għandhom 38 punt, fejn wara t-telfa ta’ 2-1 li sofrew Marsaxlokk kontra Mosta, fetħu vantaġġ ta’ xejn inqas minn disa’ punti fuq ix-Xlukkajri. Ta’ nota huwa l-fatt li din kienet il-11-il rebħa għall-Wanderers matul dan l-istaġun.
Kienu Gzira li ħolqu l-ewwel periklu fl-24 minuta meta xutt minn ġol-kaxxa ta’ Kyle sone intemm barra. Huma komplew fuq l-offensiva u fil-31 minuta, wara li rċieva minn azzjoni ta’ freekick, Thaylor Aldama, kellu d-daqqa ta’ ras ċentrali tiegħu tiġi salvata mill-goalkeeper tal-Wanderers, Rashed Al Tumi.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, kienu l-Wanderers li ħarġu fuq l-offenisva u 48 minuta, xutt minn barra l-kaxxa ta’ Joachim Adukor ġie salvat tajjeb mill-goalkeeper Kroat tal-Maroons, Darijan Zarkov.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fis-57 minuta rebħu penalty meta Marcelo Dias waqqa’ lil Joachim Adukor fil-kaxxa. Mill-11-il metru inkariga ruħu Henrique Murilo li ma żbaljax hekk kif permezz ta’ xutt b’saħħtu fil-baxx tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.
U biex l-affarijiet ikomplu ġejjin ħażin għall-Maroons, fil-65 minuta, huma spiċċaw jilagħbu b’10 players meta tkeċċa għalihom il-player Jackson Mendoza, wara li rċieva żewġ karti sofor fil-partita.
Sliema ssiġillaw ir-rebħa permezz tat-tieni goal proprju fil-ħin miżjud permezz ta’ xutt angolat minn ġol-kaxxa tas-sostitut Neil Frendo, li kien ilu fil-ground biss tliet minuti, li ma ta l-ebda ċans lil Zarkov.
Referee:- Fyodor Zammit
BOV Plejer tal-Logħba:- Henrique Murilo (Sliema W.)