Wara r-rebħa minima ta’ 1-0 kontra Valletta, Sliema Wanderers, kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva meta għelbu lil Mosta bl-iskor konvinċenti ta’ 3-0, bit-tliet goals għalihom jaslu fit-tieni taqsima.
Kienu Sliema li ħolqu l-ewwel periklu wara biss minuta permezz tal-attakkant Sloven Vito Plut, li kellu t-tentattiv tiegħu jaħbat mal-lasta.
Mosta wieġbu erba’ minuti wara permezz ta’ Zachary Brincat li kellu x-xutt bid-dawra tiegħu jintemm barra.
Sliema wieġbu fid-39 minuta, meta Myles Beerman xeħet cross li sab lil Karim Abubakar li venven xutt b’saħħtu li sab lil David Akpan attent.
Iżda kienu Mosta li tilfu ċans tad-deheb li jiftħu l-iskor fit-42 minuta meta l-ewwel Gianluca Sciberras laqat il-mimduda, waqt li ftit wara Aliyu Isah kellu t-tentattiv tiegħu li stampa mal-wieqfa.
Sliema ma setax kellhom bidu tat-tieni taqsima aħjar hekk kif fid-49 minuta, marru fil-vantaġġ meta minn cross ta’ Jake Engerer, Vito Plut, mill-viċin tefa’ ġewwa.
Huma rduppjaw l-iskor fil-55 minuta, meta wara li rċieva minn cross preċiż ta’ Jake Engerer, Vito Plut, b’daqqa ta’ ras daqstant ieħor preċiża għeleb lill-goalkeeper ta’ Mosta, Akpan, li salva parzjalment iżda ma żammx, biex b’hekk irreġistra doppjetta personali.
Il-Wanderers issiġillaw ir-rebħa permezz tat-tielet goal fid-89 minuta, permezz ta’ daqqa ta’ ras mill-isbaħ ta’ Gustavo Alcino.
Referee: Trustin Farrugia Cann
BOV Plejer tal-Logħba: Jake Engerer (Sliema W.)