Sliema Wanderers ikkundannaw lil Birkirkara għat-tielet telfa konsekuttiva meta għelbuhom bl-iskor minimu ta’ 1-0, bil-goal tant importanti għalihom jasal mill-Player tal-Logħba, Mohamed Awad fl-ewwel taqsima, eżattament fis-36 minuta.
B’hekk, il-Wanderers komplew bis-serje tagħhom kollha rebħ, hekk kif din kienet xejn inqas mill-ħames rebħa konsekuttiva għalihom.
Għal din il-partita, il-coach Taljan ta’ Birkirkara, Stefano De Angelis, kellu biċċa uġiegħ ta’ ras hekk kif kellu jgħaddi mingħajr is-servizzi tal-erba’ players importanti Maxuell Maia, Alex Satariano, Neil Micallef u Alessandro Coppola, minħabba li lkoll kienu sospiżi, liema players inħassew ferm tul il-perkors tal-partita.
Min-naħa l-oħra, il-coach ta’ Sliema, Paul Zammit, wettaq bidla waħda fil-formazzjoni inizjali mill-partita preċedenti, fejn Mohamed Awad beda minflok Steve Pisani.
Kienu Birkirkara li ħolqu l-ewwel periklu fis-sitt minuta meta xutt minn barra l-kaxxa ta’ Paul Mbong għadda ftit barra.
Sliema wieġbu fis-36 minuta meta fetħu l-iskor hekk kif Vito Plut provda l-assist lil MOHAMED AWAD li mill-viċin spara l-ballun fis-saqaf tax-xibka.
Birkirkara bdew fuq l-offensiva fit-tieni taqsima meta minn cross shot ta’ Shaun Dimech salva iżda ma żammx Agu bid-difiża eventwalment tikklerja l-periklu.
L-azzjoni denja ta’ nota sussegwenti waslet mas-siegħa logħob bi Sliema jkunu huma li ħolqu l-periklu, meta Wescley avvanza tajjeb fil-kaxxa iżda kellu x-xutt mill-viċin tiegħu jintemm ftit barra.
Sekondi biss wara fuq in-naħa l-oħra kien Paul Mbong li prova u Yikpe mill-viċin fajjar xutt li Agu salva bid-difiża mill-ġdid tevita l-periklu.
Sliema komplew jippressaw u għaxar minuti wara Vito Plut kellu t-tentattiv tiegħu mill-viċin salvat bir-ras minn fuq il-linja mid-difensur Bulgaru ta’ Birkirakara, Tomislav Papazov, biex salva goal ċert.
Birkirkara wieġbu fl-74 minuta meta Kemar Reid kellu x-xutt fil-baxx tiegħu li rriżulta bħala kemmxejn fraġli u ntemm ftit barra.
Sliema komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita biex b’din ir-rebħa telgħu waħidhom fl-ewwel post tal-klassifika.
Referee: Slobodan Petrovic
Plejer tal-Logħba: Mohamed Awad (Sliema W.)