Sliema Wanderers ikkonvinċew bis-sħiħ meta għelbu lil Mosta bl-iskor ta’ 3-1.
Kiener rebħa meritata għall-Wanderers, għalkemm wieħed ma jrid ineħħi xejn mill-mertu ta’ Mosta li offrewlhom oppożizzjoni denja tul ħinijiet twal fil-partita.
Kienu Sliema li ħolqu l-ewwel periklu wara biss ħames minuti meta Geoffrey Edwin Achempong kellu xutt mid-distanza li għadda jħakkek ma’ sieq il-wieqfa.
Huma komplew jippressaw u erba’ minuti wara fetħu l-iskor meta Acheampong xeħet cross preċiż fid-direzzjoni ta’ VITO PLUT li permezz ta’ daqqa ta’ ras mill-viċin tefa’ l-ballun fis-saqaf tax-xibka.
Kulma jmur kompla d-dominju tal-Wanderers u fit-18-il minuta Mohamed Awad infiltra tajjeb fil-kaxxa u kellu xutt mill-viċin devjat f’corner minn difensur ta’ Mosta, bil-ballun jaħbat max-xibka minn barra.
Iżda kontra x-xejra tal-logħob, Mosta ġabu l-iskor indaqs fis-26 minuta meta Prince Afriyie kellu xutt fil-baxx angulat salvat parzjalnent minn mal-art mill-goalkeeper tal-Wanderers, Kelvin Emeka Agu, biex mir-rebound, ZACHARY BRINCAT, tefa’ l-ballun f’lasta vojta.
Fid-49 minuta Simon Zibo għall-Wanderers kellu xutt fjakk mid-distanza li ġie salvat mingħajr diffikultá mill-goalkeeper ta’ Mosta, David Udoh Akpan.
Mosta wieġbu ħames minuti wara permezz ta’ freekick tal-ispeċjalista Clayton Failla li ġie mdawwar f’corner bi bravura minn Emeka Agu.
Sliema reġgħu ħolqu l-periklu fil-55 minuta meta Myles Beerman kellu l-konklużjoni tiegħu mill-viċin imdawra f’corner minn Akpan.
Huma komplew jippressaw u żewġ minuti wara reġgħu marru fil-vantaġġ meta Adam Magri Overend xeħet cross fid-direzzjoni ta’ GEOFFREY EDWIN ACHEAMPONG li kien fil-post it-tajjeb u permezz ta’ xutt b’saħħtu minn pożizzjoni ideali ma ta l-ebda ċans lil Akpan.
Sliema kienu sfortunati li ma skorjawx it-tielet goal fit-83 minuta meta Adam Magri Overend kellu x-xutt tiegħu devjat minn difensur avversarju, bil-ballun jaħbat mal-wieqfa, b’Mosta jeħilsuha ħafif u jevitaw auto-goal sfortunat.
Iżda l-Wanderers ma kellhomx jiġu mċaħħda minuta biss wara meta s-sostitut JONATA BASTOS mill-viċin ma ħafirx hekk kif żmarkat tefa’ l-ballun f’lasta vojta.
Sliema komplew jamministraw il-vantaġġ doppju li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Ezekiel Barbara
Plejer tal-Logħba: Geoffrey Edwin Achempong (Sliema W.)