Sliema W. komplew ikabbru l-problemi ta’ Hamrun S. meta b’goal lejn nofs l-ewwel taqsima għelbuhom bl-iskor minimu ta’ 1-0, b’din tkun it-tielet telfa konsekuttiva u r-raba’ waħda f’ħames partiti għal dawn tal-aħħar.
Għal Hamrun iddebutta fuq il-bank, il-coach Winston Muscat. Huma kellhom lill-iskorer prolifiku Raphael Lopes Silva sospiż iżda għalihom irritorna Elionay Freitas Da Silva minn sospensjoni. Min-naħa l-oħra għal Sliema rritorna minn sospensjoni Geoffrey Edwin Achempong iżda ma kienx inkluż mal-ewwel 11 u ġie utilizzat bħala sostitut fis-70 minuta fejn ħa post Wescley.
Kienu Sliema li ħolqu l-ewwel periklu fil-11-il minuta meta Adam Magri Overend kellu x-xutt tieghu minn pożizzjoni ideali jiġi mblukkat minn Ryan Camenuzli.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fit-23 minuta fetħu l-iskor meta wara li rċieva minn freekick tal-captain Steve Pisani, SIMON ZIBO kien fil-post it-tajjeb u bil-koxxa xellef il-ballun għal ġewwa, b’dan ikun it-tieni goal tiegħu matul dan l-istaġun.
Il-pressjoni kienet kollha fuq Hamrun u fil-ftuħ tat-tieni taqsima ħarġu ferm aggressivi fit-tentattiv li jġibu l-iskor indaqs u fis-46 minuta resqu ferm viċin li jagħmlu dan meta Luke Monetbello kellu xutt angolat fil-baxx minn pożizzjoni ideali salvat minn mal-art bi bravura mill-goalkeeper tal-Wanderers Kelvin Emeka Agu.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u minuta biss wara cross taż-żagħżugħ Sven Xerri ġie interċettat minn Emeka Agu.
Kulma jmur kompla d-dominju tal-Ispartans u fis-57 minuta, xutt fil-baxx kważi minn tarf il-kaxxa ta’ Joseph Essien Mbong intemm ftit barra.
Żewġ minuti biss wara Hamrun reġgħu resqu qrib li jsibu x-xibka meta wara li rċieva minn freekick tal-Montenegrin Jovan Cadenovic, il-captain Steve Borg kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin salvata f’corner b’mod stupend minn Emeka Agu, biex salva goal ċert.
Dan sabiex fit-68 minuta, Ryan Camenzuli, dejjem għall-Ispartans, ittanta xortih permezz ta’ xutt mill-ewwel mid-distanza li ntemm ftit għoli.
Huma komplew jippressaw u fit-78 minuta freekick insidjuż tas-sostitut Ederson Bruno Domingos għadda ftit barra.
Fis-96 minuta xutt dijagonali fil-baxx ta’ Ederson Bruno Domingos ġie salvat minn mal-art minn Emeka Agu.
Madankollu, kienu Sliema li komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Malcolm Spiteri
Plejer tal-Logħba: Steve Pisani (Sliema W.)