Sliema W. komplew jitfgħu lil Hamrun S. f’aktar miżerja meta għelbuhom bl-iskor minimu ta’ 1-0, bl-Ispartans li għalihom din kienet it-tielet telfa konsekuttiva jkunu sfortunati meta fost oħrajn kellhom jaffettwaw tliet sostituzzjonijiet sfurzati minħabba injuries diversi.
Għal Hamrun irritorna Emerson Marcelina wara li tilef diversi logħbiet minħabba injury li sofra fil-bidu tal-istaġun, waqt li ż-żagħżugħ li proprju nhar it-Tnejn li ġej jagħlaq 20 sena, Shaisen Attard, beda mal-ewwel 11 tal-Ispartans għall-ewwel darba fil-karriera tiegħu.
Kien biss fit-18-il minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota bi Sliema jirbħu penalty meta Mohamed Awad għadda tajjeb lejn Myles Beerman li twaqqa’ minn Elionay Freitas Da Silva fil-kaxxa. Mill-11-il metru inkariga ruħu l-captain HENRIQUE MURILO li f’din il-partita kien qed jirritorna għall-Wanderers li permezz ta’ xutt b’saħħtu tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.
Hamrun wieġbu fis-26 minuta permezz ta’ xutt mill-ewwel minn tarf il-kaxxa ta’ Ryan Camenzuli li ntemm għoli.
Tliet minuti wara, il-coach Taljan ta’ Hamrun Alessandro Zinnari kien kostrett jaffettwa sostituzzjoni sfurzata meta weġġa’ għalihom l-iskorer prolifiku internazzjonali Malti Luke Montebello, biex minfloku daħal jilgħab is-sostitut Wendel Barros.
Fl-34 minuta, Hamrun tilfu ċans tad-deheb li jġibu l-iskor indaqs meta Ryan Camenzuli ikkontrolla tajjeb qabel venven xutt b’saħħtu minn taħt il-lasta li iżda ġie kklerjat f’corner b’irkopptu minn Cain Attard, biex salva goal ċert.
Il-pressjoni kienet kollha fuq Hamrun u fil-ftuħ tat-tieni taqsima ħarġu ferm aggressivi u u fit-48 minuta xutt minn tarf il-kaxxa ta’ Shaisen Attard intemm għoli.
L-affarijiet komplew jikkomplikaw ruħhom għall-Ispartans meta minuta biss wara Zinnari kien kostrett jaffettwa t-tieni sostituzzjoni sfurzata meta weġġa’ għalihom il-player Chris Ondong biex minfloku daħal jilgħab is-sostitut Raphael Lopes Silva.
U inkredibbli imma veru fit-52 minuta kellha tiġi sfurzata t-tielet bidla sfurzata minn Hamrun hekk kif din id-darba weġġa’ għalihom il-player Wendel Da Silva Barros biex minfloku daħal jilgħab Juan Carlos Corbalan.
Sitt minuti wara, Sliema appellaw għall-foul kważi f’tarf il-kaxxa meta Elionay Freitas da Silva deher iwaqqa’ lil Wescley li kien destinat li seta’ jkompli javvanza fil-kaxxa iżda r-referee Ishmael Barbara ħalla l-logħob għaddej.
Hamrun wieġbu fit-62 minuta meta Joseph Essien Mbong evita l-ħarġa tal-goalkeeper ta’ Sliema Kelvin Emeka Agu li minn pożizzjoni angolata ra t-tentattiv tiegħu jaħbat max-xibka minn barra biex ta l-illużjoni tal-goal.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u minuta biss wara, Corbalan għadda tajjeb lejn is-sotutut Talison Lui Barbosa li kellu x-xutt bid-dawra tiegħu mdawwar f’corner minn Agu.
Kulma jmur kompla d-dominju tal-Ispartans u fl-74 minuta Shaisen Attard niżżel il-ballun tajjeb lejn Roko Prsa li iżda kellu l-konklużjoni tiegħu minn tarf il-kaxxa tintemm għoli.
Iżda Sliema komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Ishmael Barbara
Plejer tal-Logħba: Cain Attard (Sliema W.)