Sliema W. komplew jikkonvinċu bis-sħiħ u għelbu lil Hibernians bl-iskor ta’ 3-1 fit-tieni logħba tas-Sibt fl-Stadium Nazzjonali f’Ta’ Qali.
Kienu Hibernians li ħolqu l-ewwel periklu meta wara biss minuta, xutt dijagonali ta’ Alex Bruno Da Silva għadda żbrixx mal-lasta.
Sliema wieġbu żewg minuti wara u fethu l-iskor meta Jonata Bastos għadda tajjeb lejn ADAM MAGRI OVEREND li b’xamma kbira għall-goal tefa’ ġewwa.
Il-Pawlisti reġgħu ħolqu l-periklu fl-10 minuta meta xutt mil-lemin ta’ Alex Bruno Da Silva Souza għadda għoli.
Iżda kienu l-Wanderers li rduppjaw l-iskor fil-35 minuta meta minn azzjoni ta’ corner mogħti minn Steve Pisani, Jean Borg niżżel il-ballun bir-ras lejn GUSTAVO ALCINO li permezz ta’ xutt mill-ewwel minn taħt il-lasta tefa’ ġewwa u b’hekk għamel l-iskor 2 – 0.
Sliema reġgħu ħolqu l-periklu fit-53 minuta meta xutt ta’ Jonata Bastos ġie salvat b’diffikultá minn mal-art mill-goalkeeper ta’ Hibernians, Pablo Sanchez Nino. Minuta biss wara, Myles Beerman, dejjem għall-Wanderers, seraq il-ballun minn barra l-kaxxa iżda kellu x-xutt dijagonali tiegħu li rriżulta bħala wieħed fraġli li għadda ftit barra.
Iżda Hibernians ma rmewx ix-xugaman anzi wettqu reazzjoni tajba u ta’ dan ġew ippremjati meta fis-60 minuta, naqqsu l-marġni tal-iskor meta Jurgen Degabriele indirizza cross għan-nofs li sab lil ALEX BRUNO DE SOUZA SILVA li permezz ta’ xutt mill-ewwel ma ħafirx.
Madankollu, il-Pawlisti bilkemm kellhom ċans jifirħu għal dan il-goal li Sliema ma komplewx ikabbru l-vantaġġ tliet minuti biss wara meta Steve Pisani għadda through pass lejn MOHAMED AWAD li kellu l-ewwel tentattiv tiegħu imblukkat minn Sanchez Nino, biex mir-rebound l-istess attakkant minn New Zealand tefa’ ġewwa.
Sliema komplew jamministraw il-vantaġġ doppju li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Alex Johnson
Plejer tal-Logħba: Adam Magri Overand (Sliema W.)