Sliema Wanderers ħallew għall-aħħar biex għelbu lil Santa Lucia bl-iksor ta’ 3-1. B’hekk huma komplew isaħħu t-tielet post, meta issa għandhom 41 punt fil-klassifika.
Kienu Santa Lucia li ħolqu l-ewwel periklu wara biss erba’ minuti meta Aleksa Mrdju kellu x-xutt fil-baxx tiegħu salvat minn mal-art mill-goalkeeper tal-Wanderers, Timmy Aquilina.
Sliema wieġbu fl-20 minuta permezz ta’ freekick mill-isbaħ ta’ Mohamed Awad minn pożizzjini angolata li ħareġ l-aħjar tal-goalkeeper tal-Luċjani, Francisco Da Paz Silva, li dawwar f’corner bi bravura.
Fl-40 minuta, Steve Pisani għal Santa Lucia, ittanta li jerġa’ jagħmel dak li għamel fil-ġimgħa precedenti kontra Sirens, meta kellu freekick mill-isbaħ jiġi salvat f’corner minn Aquilina.
Huma komplew jddettaw il-logħob u erba’ minuti wara, Tatsuro Nagamatsu, kellu x-xutt fil-baxx tiegħu salvat minn Aquilina.
Il-pressjoni kienet kollha fuq Sliema u fil-ftuħ tat-tieni taqsima ħarġu ferm aggressivi fit-tentattiv ovvju li jiftħu l-iskor u ma damux ma għamlu dan meta fis-47 minuta, Geoffrey Edwin Acheampong, venven xutt b’saħħtu fil-baxx minn ġol-kaxxa li ntemm fir-rokna tax-xibka.
Iżda Santa Lucia ma rmewx ix-xugaman, anzi wettqu reazzjoni mill-aqwa u fid-59 minuta ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ xutt mill-isbaħ fil-baxx ta’ Tatsuro Nagamtsu, li ma ta l-ebda ċans lil Aquilina.
Sliema Wanderers irduppjaw l-iskor fit-83 minuta, meta wara azzjoni maħduma bizzilla bejn diversi players tal-Wanderers, il-ballun intemm għand Vito Plut, li minn taħt il-lasta tefa’ ġewwa.
Huma ssiġillaw ir-rebħa permezz tat-tielet goal fid-89 minuta meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ freekick, Neil Frendo, kellu d-daqqa’ ta’ ras preċiża tiegħu tintemm ġewwa.
Sliema komplew jamministraw il-vantaġġ doppju li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Alex Johnson
BOV Plejer tal-Logħba: Geoffrey Edwin Acheampong (Sliema W.)