Fl-aħħar partita tas-Sibt filgħaxija fiċ-Centenary Stadium, Sliema Wanderers irritornaw għar-rebħ meta, b’wirja dominanti, għelbu lill-ġirien Melita bl-iskor ta’ 4-2.
Il-gowls ta’ Sliema Wanderers waslu tnejn fl-ewwel taqsima u tnejn fit-tieni taqsima, filwaqt li Melita ppruvaw iwettqu xi tip ta’ reazzjoni u anke sabu x-xibka f’żewġ okkażjonijiet fit-tieni parti tal-partita.
Appena għaddew biss tliet minuti mill-ftuħ tal-partita, il-Blues kienu diġà marru fil-vantaġġ meta kien Mohamed Awad li, b’xutt bid-dawra minn barra l-kaxxa, għeleb għal kollox lill-goalkeeper ta’ Melita, Alexander Lubik.
Fis-sitt minuta, Sliema reġgħu resqu viċin it-tieni gowl, din id-darba b’xutt tas-solitu Vito Plut li kien salvat tajjeb mill-goalkeeper ta’ Melita.
Sliema komplew jattakkaw, u fl-20 minuta kien Kyrian Nwoko li bir-ras niżżel ballun lejn Mohamed Awad, li mpenja lill-goalkeeper ta’ Melita b’xutt fil-baxx.
Sitt minuti wara, għal darb’oħra kienu Sliema li ħarġu fuq il-kontra-attakk veloċi, fejn kien Awad li għadda ballun lil Matos Da Silva, iżda dan, waħdu quddiem il-lasti avversarji, xxutja barra.
Fit-43 minuta wasal l-ewwel ċans tal-partita min-naħa ta’ Melita, meta Andre Pena Da Costa kellu x-xutt fil-baxx tiegħu salvat mill-goalkeeper Slimiż, Kelvin Agu Emeka.
Fl-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima, Sliema kabbru l-vantaġġ għal 2-0 meta reġa’ kien Mohamed Awad li, b’xutt minn tarf il-kaxxa, ħasad għal kollox lill-goalkeeper ta’ Melita, bil-ballun jispiċċa fix-xibka.
Mall-ftuħ tat-tieni taqsima, Sliema żammew l-istess ritmu u ma damux ma għamlu l-iskor 3-0, meta l-ewwel kien Vito Plut li ra lill-goalkeeper Alexander Lubik isalva f’corner. Mill-corner sussegwenti, il-ballun spiċċa għand Gustavo Alcino li, mill-viċin, ma żbaljax u tefa’ l-ballun fix-xibka.
Melita naqqsu l-marġni tal-iskor fit-62 minuta permezz tas-sostitut Martinez Parlaza.
Minuta biss wara, Sliema reġgħu kabbru l-vantaġġ tagħhom b’gowl ta’ Kyrian Nwoko.
Fl-aħħar minuti tal-partita, Melita skorjaw gowl ieħor minn penalty ta’ Andre Pena Da Costa.
Referee: Fyodor Zammit
Plejer tal-logħba: Mohamed Awad (Sliema Wanderers)