Sliema Wanderers kisbu rebħa meritata fuq l-eqreb avversarji tagħhom fil-klassifika, Marsaxlokk, f’logħba divertenti li rat lix-Xlukkajri jieħdu vantaġġ kmieni. Imma l-Wanderers ma damux ma kisbu l-goal tad-draw u għamlu ċert mit-tliet punti wara kwarta loghob fit-tieni taqsima.
Kienu Marsaxlokk li fetħu l-aħjar biex marru fil-vantaġġ fl-ewwel azzjoni denja li ħolqu, eżattament fid-9 minuta, meta l-goalkeeper Slimiż Al Toumi kklerja hażin biex approfitta Jose Fernando Gomes li qassam lil Yuri Messias li b’xutt għar-rokna għeleb lil Al Toumi.
Immedjata kienet ir-reazzjoni tal-Wanderers b’corner fis-16-il minuta mogħti minn Samuel Gomes jgħaddi tul il-lasta bla ma jieħdu hadd.
Iżda fl-20 minuta l-iskor sar indaqs meta cross tajjeb minn fuq il-lemin ta’ Dennis Kouao sab lil Samuel Gomes lest biex b’daqqa ta’ ras mill-qrib jagħmilhom 1-1.
Tliet minuti wara Vito Plut falla ċans tad-deheb li jpoġġi lill-Wanderers fil-vantaġġ meta żmarka ruħu tajjeb għal pass ta’ Gomes imma minkejja li qabeż lill-goalkeeper Drobnjak, ix-xutt angolat tiegħu ħabat mal-wieqfa u mar barra.
Fil-ħin miżjud qabel intemmet l-ewwel taqsima Sliema kellhom ċans ieħor tajjeb iżda x-xutt mill-qrib ta’ Joachim Adukor ġie mblukkat tajjeb mill-goalkeeper Xlukkajr.
Fit-tieni taqsima Sliema ħargu aktar aggressivi u kienu għoddhom marru fil-vantaġġ fl-54 minuta meta Joachim Adukor qassam lil Geoffrey Acheampong li x-xutt tiegħu heżżez il-lasta. Mir-rebound Adukor ipprova jikkonkludi imma kien f’pożizzjoni ta’ offside.
Iżda sitt minuti wara, fis-60 minuta, il-Wanderers marru fil-vantaġġ meta Acheampong qassam lil Joachim Adukor li b’xutt fil-baxx għar-rokna għeleb lill-Drobjnak.
Marsaxlokk resqu qrib illi jġibu d-draw fit-68 minuta meta Jose Fernando Gomes qabeż żewġ plejer qabel ġie wiċċ imb’wiċċ mal-goaler Al Toumi li mblokka l-konklużjoni tal-player Xlukkajr.
Sliema kkontrollaw tajjeb il-vantaġġ minimu li kellhom sat-tmiem biex għamlu ċert mit-tliet punti li jsaħħulhom posthom fit-tielet post tal-klassifika.
Referee: Malcolm Spiteri
BOV Plejer tal-Logħba: Geoffrey Acheampong (Sliema W.)