F’partita emozzjonanti u li ntlagħbet quddiem folla sabiħa, Sliema Wanderers ħallew għall-aħħar biex b’mod meritat jegħlbu lill-ġirien Gzira United bl-iskor minimu ta’ 1-0, bil-goal tant importanti għalihom jasal mill-BOV Player tal-Logħba, Mohamed Awad fit-88 minuta.
Kienu Gzira li ħarġu fuq l-offensiva u wara biss tliet minuti, freekick ta’ Jose Luis Teixiera mil-lemin għadda għoli.
Sliema wieġbu fit-22 minuta peremzz ta’ daqqa ta’ ras ta’ Vito Plut li wkoll għaddiet għoli.
Il-Wanderers komplew jippressaw u fit-38 minuta, xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa ta’ Samuel Gomes Da Mata għadda ftit barra.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Sliema komplew bl-istess ritmu tal-ewwel waħda u fil-51 minuta Mohamed Awad ittanta xortih permezz ta’ xutt mid-distanża li ġie salvat f’żewġ tentattivi mill-goalkeeper Kroat ta’ Gzira, Darijan Zarkov.
Huma komplew fuq l-offensiva u fil-65 minuta, Joseph Minala kellu freekick insidjuż salvat bi bravura minn Zarkov, biex mir-rebound Myles Beermna kellu t-tentattiv tiegħu mill-viċin imdawwar f’corner mill-istess Zarkov.
Fis-77 minuta, Sliema ipprotestaw għall-penalty meta s-sostitut Karim Abubakar deher jitwaqqa’ fil-kaxxa minn Farid Romero Zuniga, iżda r-referee Glen Tonna ħalla l-logħob għaddej.
Kulma jmur kompla d-dominju assolut tal-Wanderers, u fil-85 minuta, Samel Gomes da Mata dar tajjeb ma’ żewġ difensuri avversarji, qabel venven xutt angulat u b’saħħtu kważi minn tarf il-kaxxa li għadda ftit għoli.
Bl-aktar mod meritat, Sliema, skorjaw il-goal tar-rebħa fit-88 minuta meta wara taħwida fil-kaxxa, il-ballun intemm għand Mohamed Awad, li venven xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa li ma ta l-ebda ċans lil Zarkov, bil-ballun jintemm fir-rokna tax-xibka.