Skont analiżi li saret minn SKY News, il-prezz biex jimtela tank tal-petrol ta’ karozza medja fl-Ingilterra jiswa sa €13 iżjed minn dak li qed jinbiegħ f’Malta. Dan, apparti l-fatt, li tank tal-petrol fl-Ingilterra jservi ferm inqas bid-distanzi twal ta’ vjaġġi li jridu jsiru fl-istess pajjiż meta mqabblin ma’ dawk f’pajjiżna.
Lista ta’ prezzijiet tad-distributuri ewlenin fis-suq liberalizzat Brittaniku, li ppubblika s-sit tal-aħbarijiet, turi kif attwalment il-prezz ta’ litru petrol mill-pompi tal-petrol fil-pajjiż ivarjaw minn £1.37ċ għal £1.43ċ.
Maqlubin għall-ewro, ifissru €1.59ċ fil-litru, l-orħos prezz mill-pompi tal-kumpanija Morrisons, u €1.66ċ fil-litru, l-ogħla prezz li wieħed isib fil-pompi tax-Shell.
Il-prezz ta’ kull litru petrol f’pajjiżna jiswa €1.34ċ, grazzi għad-deċiżjoni tal-Gvern li jissusidja l-prezzijiet u ma jgħabbix iż-żidiet li ġabet il-kriżi tal-enerġija fuq il-familji Maltin u Għawdxin.
Din il-varjazzjoni kbira fil-prezzijiet tfisser li erbgħin litru petrol għal karozza medja fl-Ingilterra jiswew bejn 63ċ sa iżjed minn 66ċ kull darba.
F’pajjiżna, fejn il-prezzijiet ilhom stabbli sa mis-sajf tal-2020, jitħallas €53 għall-istess ammont ta’ fuel – qabża ta’ €10 jew €13, jiddependi mil-liema kumpanija Britannika jinxtara l-fuel.
Separatament minn dan, il-Gvern fir-Renju Unit qed jippjana li jibda jobbliga lill-kumpaniji privati tal-fuel biex jippubblikaw kull tibdil li jsir fil-prezzijiet tal-fuels f’mhux aktar minn nofs siegħa, bil-għan li jassigura prezzijiet ġusti fil-pompi.
Dan il-pass diġà ttieħed is-sena li għaddiet fl-Italja, fejn il-prezzijiet tal-fuels ukoll ivarjaw b’mod sinifikanti meta mqabblin ma’ ta’ pajjiżna.
Ta’ min ifakkar li Malta kienet l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropea kollha fejn il-prezzijiet relatati mal-enerġija ma żdidux għall-konsumatur, kemm għall-familji kif ukoll għan-negozji.
Minbarra hekk, ma ddaħħlu lanqas xi miżuri oħrajn t’awsterità mill-Gvern, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela. Anzi komplew biss jiżdiedu l-benefiċċji u l-miżuri favur diversi faxex tas-soċjetà.
Bil-maqlub, il-pajjiżi, li mponew il-politika ta’ awsterità, illum il-ġurnata qed ibatu mill-konsegwenzi, inkluż l-akbar piżijiet fuq il-familji u żieda fil-faqar, fost oħrajn.
Fl-istess ħin, xorta waħda huma distakkati minn kull tkabbir ekonomiku sinifikanti li qed jirnexxielu jikseb pajjiżna.