L-Awtorità Maltija tal-gaming, l-MGA, żvelat l-isem tal-kumpanija ‘world leader’ li tkellem dwarha l-Prim Ministru lbieraħ li se tkun qed tirreloka l-operat tagħha f’pajjiżna. Din il-kumpanija hija SKY BETTING AND GAMING magħrufa bħala SKYBET, li ssottomettiet l-applikazzjoni tagħha formalment biex tikseb il-liċenzja ta’ kumpanija tal-imħatri tal-isports f’Malta. Din hija kumpanija kbira u magħrufa madwar id-dinja kollha.
Ic-chairman tal-MGA, Joseph Cuschieri qal li l-Awtorità hija kuntenta u sodisfatta li operatur prestiġjuż bħal Sky Betting and Gaming applika għal din il-liċenzja f’Malta. Huwa żied jgħid li huwa inkoraġġanti li Malta qed tiġi rikonoxxuta minn kumpaniji kbar u ta’ fama internazzjonali fis-settur tal-logħob.
Din il-kumpanija ffurmat fl-2001 u minn dakinhar saret waħda mill-akbar kumpaniji tal-gaming fir-Renju Unit u timpjega aktar minn 1200 impjegat. Il-kumpanija diġà espandiet l-operat tagħha f’Sheffield, Londra, Ruma u Munich u se tkun qed tkompli tespandi f’aktar pajjiżi.
Sky Betting & Gaming illum toffri ħames servizzi ta’ gaming onlajn li huma Bet, Vegas, Casino, Poker u Bingo kif ukoll hija affiljata ma’ oddschecker.
Dan ifisser li pajjiżna qed ikompli jattira aktar investiment u aktar kumpaniji tal-gaming qed juru l-interess tagħhom li joperaw f’Malta.
Fil-fatt l-istatistika maħruġa mill-Awtorità tal-gaming f’Malta, l-MGA, li l-applikazzjonijiet għall-liċenzji biex kumpaniji tal-gaming joperaw f’pajjiżna żdiedu b’79%. Żdiedu ukoll b’33% l-applikazzjonijiet għal liċenzji ġodda bejn Jannar u April 2017 meta kkumparat mal-istess perjodu fl-2016.
Il-Prim Ministru tenna li huwa ta’ sodisfazzjon li meta ħaddieħor qed ibeżża’ dwar is-settur tal-gaming f’pajjiżna li qed ikompli jikber bla preċedent grazzi għall-ħidma ta’ Gvern Laburista.