Il-laqgħa tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista tal-Ħamis reġgħet qajmet ċertu skumdità u tensjoni fost id-deputati Nazzjonalisti hekk kif il-konsenturi bejn il-fazzjonijiet tal-Partit reġgħu bdew jinfetħu beraħ.
Barra l-Parlament din l-iskumditá inħasset sew meta l-ġurnalist ta’ ONE News staqsa dwar struzzjonijiet li ngħataw id-deputati u kandidati Nazzjonalisti u li ġew ippubblikati fuq is-sit lovinmalta.
Dawn l-istruzzjonijiet jgħidu kif aktar ma tersaq l-elezzjoni ġenerali, aktar jeħtieġ li l-Partit Nazzjonalista jidher li hu magħqud u li għalhekk ħadd m’għandu jikkritika deputati jew kandidati Nazzjonalisti oħra.
Iżda meta mistoqsija dwar dawn l-istruzzjonijiet ħafna mid-deputati dehru skomdi ħafna jwieġbu u oħrajn spiċċaw jistqarru li qatt ma kienu rawhom qabel.
Il-Viċi Kap Nazzjonalista David Agius ma qabilx ma’ sħabu u minflok beda jmeri dak li hemm miktub iswed fuq l-abjad.
Iżda meta affaċċjat bid-dokument, Agius bħal donnu ħaseb li reġa’ qiegħed fuq il-bank tal-iskola, hekk kif bħal student altru milli eżemplari beda jaqra li jfettilu biss u jaqbeż kliem li jbiddlu t-tifsira ta’ dak li hemm miktub.
Id-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli wkoll ħaffef il-pass meta mistoqsi dwar dak li kiteb Adrian Delia fuq Jason Azzopardi u jekk dan kienx liberu li jikteb hekk.
Staqsejna wkoll lid-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami dwar x’qed jistenna li jsir fil-laqgħa tal-Eżekuttiv tal-Ħamis iżda b’ton ostili huwa qalilna li mhux affari tagħna.