Iktar deputati tal-Partit Nazzjonalista qed jagħmlu dikjarazzjonijiet li juru kemm huma skomdi bil-liġi tal-ugwalanza fiż-żwieġ.
Xi ħaġa li mhix sorpriża wara li l-gazzetti tal-Ħadd irrapportaw kif laqgħa tal-grupp Parlamentari dwar is-suġġett kienet waħda taħraq għaliex ħafna deputati nħasdu meta saru jafu li mhux se jkun hemm sempliċi bidla fl-isem tal-liġi tal-Unjoni Ċivili u fl-aħħar intlaħaq kompromess li jkun hemm vot iva, anke jekk għal ħafna hu ta’ konvenjenza għaliex qabel l-elezzjoni ġenerali il-Partit Nazzjonalista qal li jaqbel ma’ żwieġ bejn persuni tal-istess sess.
Iżda, ladarba beda d-dibattitu pubbliku deputati tal-PN inkixfu dwar verament x’jaħsbu. L-iktar li dejjaqhom hu li minflok mara u raġel se jkun użat it-terminu kojugi biex il-liġi ma toħloqx diskriminazzjoni.
Skont id-deputat Nazzjonalista Clyde Puli dan ifisser li l-liġi qisha ta’ xi pajjiż komunist.
Il-lingwaġġ newtrali m’għoġobx lanqas lil Jason Azzopardi. Ikkuntatjat mill-maltatoday qal li din hi xi ħaġa li “mhix loġika.”
Skont il-Maltatoday meta Jason Azzopardi kien mistoqsi jaqbilx mal-liġi hu qal li dan jiddependi minn kemm – il gvern jaċċetta dak li qed tirrakkomanda l-Oppożizzjoni.
Beppe Fenech Adami wkoll qal li għandu jkun hemm l-emendi għal din il-liġi.
Filwaqt li deputati oħrajn kienu kawti ħafna. Stephen Spiteri qal li se jivvota favur u meta mistoqsi jekk jaqbilx mal-liġi qal li mhemmx xejn ma xix taqbel.
Herman Schiavone qal li hu obbligat li jżomm mal-whip tal-oppożizzjoni. “Irrid inżomm ma li jgħid il-partit,” qal Herman Schiavone.
Dawn id-dikjarazzjonijiet isegwu dik ta’ David Agius fil-Parlament li qal li b’din il-liġi l-gvern qed iniżżel il-pajjiż fl-assurdita.
Insaqsi minflok jum l-omm se jibda jkollna jum il-persuna li welditek. F’din l-assurdità qed iġġibu lill-pajjiżna.