Hekk kif kull ma jmur qed tkompli tikber il-pressjoni fuq il-Partit Nazzjonalista u l-Kap tiegħu Bernard Grech biex jippubblika l-kontijiet finanzjarji u r-rapporti tad-donazzjonijiet tiegħu, li ilu ma jippubblika għal kważi erba’ snin, aktar qed toħroġ l-iskumdità fost id-deputati tal-istess Partit.
Dan deher ċar minn mistoqsijiet li għamel ONE News ftit jiem wara li ġie rrapportat kif, skont il-Partit Nazzjonalista stess, mhux isib awdituri biex jiffirmawlu l-kontijiet finanzjarji tiegħu. Dan minħabba n-nuqqasijiet u t-taħwid li jinvolu.
L-iskumdità tad-deputati Nazzjonalista dehret ċara.
Sadanittant, kontra dak li kien diġà lissen hu stess, Bernard Grech iddikjara li huma biss ereżijiet kbar li l-Partit Nazzjonalista ma jistax isib awdituri.
Ġurnalist – “Għaliex mhux jiffirmawhomlok l-awdituri?”
Bernard Grech – “Qed tgħid ereżijiet kbar.”
Dan minkejja li ftit jiem qabel f’intervista fuq ir-radju tal-Knisja, ammetta li ma setax isib awdituri.
“Ikun hemm xi kultant kumplikazzjonijiet, ħafna drabi jkunu ħmerija, jiġifieri inti jkollok bżonn awditur u inti ma ssibx awditur.”
Filwaqt li wħud mid-deputati Nazzjonalisti huma skomdi bis-sitwazzjoni, kif anke jixhdu n-nuqqas ta’ tweġibiet mal-mikrofonu ta’ ONE News, oħrajn saħansitra qed jiddistakkaw rwieħhom minn dan l-aħħar episodju ieħor ta’ taħwid fi ħdan id-Dar Ċentrali.
Fil-fatt, Ivan J. Bartolo tas-6pm sostna li hu m’għandux x’jaqsam ma’ din il-materja.
“M’għandix x’naqsam, thank you.”