Fi Spazju Kreattiv qed ikunu esebiti abbozzi ta’ erba’ opri tal-arti monumentali li wara proċess ta’ għażla pubblika, se jkunu qed isebbħu l-ispazji miftuħa madwar it-toroq, il-flyovers u l-mogħdijiet pedonali fil-proġett tal-Junction tal-Marsa.
Erba’ timijiet ta’ artisti lokali qed jużaw azzar ċeramika, materjal minn ġebel riċiklat u materjali oħra biex joħolqu dawn ix-xogħlijiet artisti, għoljin iktar minn sular.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u Proġetti Kapitali, Ian Borg spjega kif dawn l-istrutturi, flimkien mat-tħawwil ta’ ammont ta’ siġar se jsebbħu l-akkwati tal-ikbar proġett infrastrutturali f’pajjiżna.
Huwa spjega: “L-infrastruttura li għamilna l-Marsa Junction, proġett ta’ seba’ miljuni, l-akbar proġett infrastrutturali ta’ kull żmien fuq it-toroq tagħna, imma ma konniex kuntenti, ridna nżidu sitt mitt siġra indiġena u ħamsa u għoxrin elf arbuxell, però mhux biżżejjed lanqas. U allura isseħibna mal-Ministeru responsabbli mill-kultura u mill-arti, mill-fondazzjoni li għandu fi ħdanu sabiex l-artisti, ressqu ‘l quddiem, proponew affarijiet interessanti ħafna u fi ftit tal-ġimgħat ħa narawhom installati f’dan il-proġett mill-isbaħ u jitgawda mill-poplu kollu.”
Id-disinji tax-xogħlijiet artistiċi intagħżlu minn fost sitta u ħamsin proposta li ġew sottomessi f’sejħa internazzjonali ta’ Infrastruttura Malta b’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv. Sitta u tletin parteċipant kienu Maltin filwaqt li ġew sottomessi proposti minn seba’ pajjiżi oħra.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali u l-Arti José Herrera spjega kif din hija turija ċara li l-Gvern qed jagħti l-importanza neċessarja lis-settur artistiku.
Huwa stqarr: “Qed namalgamaw il-bżonn li jkollok infrastruttura qawwija u b’saħħitha f’dan il-pajjiż, mal-bżonn illi aħna jkollna livell artistiku, estetiku u kulturali, qawwi f’dan il-pajjiż.”