Biċċa xogħol tal-artist versatili Qormi, George Farrugia, fl-aħħar jiem intagħżlet mal-aqwa 25 minn 635 esebit minn artisti minn 60 pajjiż differenti fil-kompetizzjoni Premio Internazionale di Arte Contemporanea, li bdiet tittella’ f’Pariġi f’April.
Esperti internazzjonali tal-arti għamlu l-għażla tagħhom u kien hawn li Farrugia, bl-arti tiegħu bl-isem ta’ ‘Unite’, li kkwalifika mal-aqwa grupp, li esebew pittura, skultura, grafika, fotografija, arti diġitali u installazzjonijiet.
Il-biċċa tal-arti, li daħħal Farrugia fil-kompetizzjoni hi skultura magħmula minn żewġ elementi tar-ramm fuq bażi tal-injam. Fi stqarrija ngħad li l-Malti ispira ruħu mill-misteru u s-sbuħija tan-natura, waqt li l-opra artistika tiegħu hi mimlija sentimenti u emozzjoni, sforz l-imħabba tiegħu għall-ambjent.
Dan il-premju internazzjonali jiġi organizzat minn għaqda ta’ artisti kontemporanji magħrufin bħala PittoriAmo, li din is-sena tellgħu l-esebizzjoni fit-Thuillier Galerie ta’ Pariġi. Il-25 biċċa tal-arti magħżulin, inkluż dik ta’ Farrugia, spiċċaw jissemmew fil rivista popolari Taljana Panorama.