L-isfida ta’ avukat għall-konklużjonijiet ta’ espert tal-Qorti f’każ ta’ qtil li jinvolvi mara Russa wasslet għall-panel tal-esperti ġdid jaqbel mal-oġġezzjoni u jiċħad is-sejbiet tal-ewwel espert.
Dan għal każ li seħħ f’appartament fix-Xemxija f’Jannar elfejn u ħdax.
F’dan il-każ, Tamara Gennadievan Boubekova hi akkużata bil-qtil ta’ bintha Kalinina, wara li kien stabbilit li din mietet fgata, fl-età ta’ tmienja u għoxrin sena.
Fl-2011 l-investigazzjoni ħadet laqta’ stramba meta l-espert forensiku dentali qal li kien hemm ‘”gdim tal-imħabba” kunsenswali fuq il-ġisem taż-żewġ nisa, b’marki tas-snien li jikkorrispondu ma’ xulxin. B’kollox tletin gidma fuq il-vittma, u iktar minn ħamsin fuq l-omm.
Iżda s-sejbiet rilaxxati reċentement, li ġew riveduti mit-tliet esperti tal-panel maħtur mill-Qorti wrew mod ieħor, u kissru l-kredibilità tar-rapport inizjali, fejn intqal li l-proċedura korretta fit-teħid tal-kampjuni ma ġietx segwita.
Lura fl-elfejn u ħdax l-omm kienet kwotata tgħid kif bintha kienet tidħol lura d-dar xurbana, u possibbilment taħt l-effett tad-droga. Fil-fatt espert tal-Qorti kien sab livell għoli ferm ta’ alkoħol f’demmha.
Filwaqt li l-każ kontra l-omm ikompli jinstema’ l-ġimgħa ddieħla, l-avukat tal-omm qal li kienet kuntenta li l-istorja ta’ fantasija erotika bbażata fuq “gdim tal-imħabba” ġiet skreditata.