Fil-lejla li għadda, il-Pulizija tad-Distrett taż-Żejtun bl-assistenza tal-Pulizija mis-Sezzjoni tal-Klieb u mill-Garaxx tal-Pulizija, flimkien mal-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, spezzjonaw numru ta’ vetturi waqt kontrolli tat-traffiku.
L-ispezzjonijiet, li bdew fl-għaxra u nofs ta’ filgħaxija u spiċċaw fit-tlieta ta’ filgħodu, bdew fi Triq Għar Dalam, Birżebbuġa.
Hawnekk, Sirjan ta’ 20 sena minn Birżebbuġa nqabad isuq vettura tal-għamla Peugeot Partner mingħajr ċintorin tas-sigurtà, zagħżugħ 22 sena minn Pembroke nqabad isuq vettura tal-għamla Volkswagen Golf b’tinted glass mhux approvat u raġel ta’ 51 sena miż-Żurrieq irriżulta li kien qiegħed isuq vettura tal-għamla Land Rover Freelander taħt l-influwenza tal-alkoħol wara li t-test tan-nifs irriżulta fil-pożittiv.
Il-kontrolli komplew fi Triq l-Ewwel Titjira, Ħal Kirkop, fejn;
- Sirjan ta’ 24 sena minn Marsakala nqabad isuq vettura tal-għamla BMW 320D b’tinted glass mhux approvat, fil-pussess ta’ mara ta’ 23 sena minn Ħal Tarxien, li kienet passiġġiera f’vettura tal-għamla Opel Astra, instabet sustanza suspettata droga cannabis,
- fil-pussess ta’ tfajla ta’ 19-il sena minn Marsaskala, li kienet passiġġiera f’vettura tal-għamla Volkswagen Golf, instabet sustanza suspettata droga cannabis,
- Fil-pussess ta’ ġuvni ta’ 17-il sena residenti Ħal Għaxaq, li kien passiġġier f’vettura tal-għamla Suzuki Samurai, instabet sustanza suspettata droga cannabis, oġġetti relatati mad-droga u mus żgħir.
- Raġel ta’ 45 sena residenti Ħal Qormi rriżulta li kien qiegħed isuq vettura tal-għamla Fiat Punto taħt l-influwenza tal-alkoħol wara li t-test tan-nifs irriżulta fil-pożittiv.
- F’vettura tal-għamla Volkswagen Golf, misjuqa minn raġel ta’ 29 sena residenti Ħal Kirkop, instabu ħames skrataċ.
Il-Pulizija se tkun qed toħroġ akkużi fil-konfront tal-persuni filwaqt li l-investigazzjonijet għadhom għaddejjin.
Matul il-lejl li għadda ukoll, il-Pulizija tad-Distrett tal-Belt Valletta flimkien mal-Pulizija tad-Distrett tal-Ħamrun , wettqu spezzjonjiet fi stabbilimenti, fil-ġonna pubbliċi, kif ukoll
f’diversi toroq.
Waqt rondi fi Triq Belt il-Ħażna u Triq is-Sannat, Marsa, ġew innutati vetturi abbandunati.
Fuqhom twaħħlilhom notifika sabiex is-sidien tagħhom ineħħuhom minħabba l-periklu li qegħdin joħolqu u li jistgħu jkunu lok ta’ abbużi. Il-Pulizija tkellmu ma’ dawn is-sidien fejn
spjegawlhom li l-vetturi jridu jitneħħew minnufih.
Ġew spezzjonati wkoll ħwienet differenti u l-ġonna, fejn kollux instab skond il-liġi.
Waqt dawn l-ispezzjonijiet, inħarġu wkoll numru ta’ kontravenzjonijiet fuq ipparkkjar illegali.
Ritratti: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta