WasteServ ħabbret ir-rebbieħa tal-10 edizzjoni tal-Malta Waste Reduction Awards. Dan l-avveniment iċċelebra l-aħjar azzjonijiet minn skejjel, l-amministrazzjoni pubblika, kumpaniji, NGOs u ċittadini matul il-Ġimgħa Ewropea għat-Tnaqqis tal-Iskart. It-tema kienet relatata mat-Tessuti Ċirkolari u Sostenibbli, fejn il-parteċipanti kellhom l-opportunità juru l-inizjattivi tagħhom dwar it-tnaqqis tal-iskart, l-użu mill-ġdid tal-materjal u r-riċiklaġġ.
Ġurija esperta evalwat u għażlet ir-rebbieħa fejn kull rebbieħ irċieva fondi biex ikomplu jissaħħu l-isforzi favur it-tnaqqis tal-iskart, flimkien ma’ trofew. Matul din iċ-ċerimonja ngħataw total ta’ €17,000 fi premjijiet.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli faħħret lill-parteċipanti kollha għall-azzjonijiet tagħhom li jqajmu kuxjenza dwar l-immaniġġjar tal-iskart iġġenerat mill-industrija tat-tessuti u l-ħwejjeġ.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca esprima l-gratitudni tiegħu lejn il-parteċipanti kollha u enfasizza kif bl-azzjonijiet tagħhom qegħdin jimmotivaw lill-pubbliku biex ikollu rwol aktar attiv fil-prevenzjoni u fis-separazzjoni tal-iskart.
Waqt din iċ-ċerimonja ngħata wkoll rikonoxximent lill-kunsilli lokali għall-isforzi tagħhom favur l-immaniġġjar tal-iskart bi premjijiet mogħtija lill-aqwa tliet lokalitajiet minn Malta u Għawdex, li kienu l-Kunsill Lokali tal-Birgu, il-Kunsill Lokali tal-Fontana u l-Kunsill Lokali tal-Isla.
Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm ukoll Frank Bezzina, Aġent President ta’ Malta.
Ir-rebbieħa tal-10 edizzjoni tal-Malta Waste Reduction Awards huma:
Waste Reduction Award in Public Administration – Kunsill Lokali tal-Kalkara
Waste Reduction Award in Associations Category – Flimkien għal Ambjent Aħjar
Waste Reduction Award in Schools Category – St Nicholas College Dingli Secondary School
Waste Reduction Award in Clean-up Awareness – Kunsill Reġjonali tal-Lvant
Waste Reduction Award in Business Category – Parascandolo
Waste Reduction Award in Citizens Category – Il-Familja Ciangura
Waste Reduction Award for Best Practice in Most Innovative Initiative – Martina Caruana