Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri indirizza konferenza tal-aħbarijiet fejn nieda t-tielet edizzjoni ta’ Dwejra Looking Beyond, li se tittella’ nhar it-8 ta’ Marzu, 2020. Clint Camilleri qal li l-għan ta’ din l-attività huwa biex il-pubbliku jkun mgħarraf aktar dwar din il-valur ġeoloġiku li toffri d-Dwejra u li minn dejjem attirat diversi nies għall-ispettakolarità unika tagħha. Il-Ministru fakkar li f’din il-ġurnata se jkun qed jiġi ċċelebrat il-Jum Internazzjonali tan-Nisa u għalhekk fid-Dwejra wkoll se jkun hemm diversi attivitajiet bħala parti mill-kampanja #WomenCAN.
Il-Ministru Camilleri kompla jgħid li d-Dwejra hija magħrufa għall-baħar mill-isbaħ, għall-irdumijiet pittoreski, sublimi u meraviljużi fihom infushom, li ħafna drabi ġibdu diretturi tal-films minn Hollywood. Semma wkoll, it-torri l-antik mibni mill-Università, fl-1652, u l-Ġebla tal-Ġeneral attrazzjoni importanti li fis-Seklu 19 ġibdet l-attenzjoni ta’ studjużi u artisti li juruha f’illustrazzjonijiet storiċi. Clint Camilleri rrefera għat-tieqa tad-Dwejra u qal li minkejja li sfortunatament waqgħet fit-8 ta’ Marzu, 2017, il-waqgħa tagħha minħabba kawżi naturali llum qed tattira għaddasa li jinżlu proprju biex jaraw din il-meravilja.
Il-Ministru Clint Camilleri qal li l-Ministeru għal Għawdex huwa dejjem kommess li jippromwovi lil Għawdex u l-karatteristiċi uniċi tiegħu. Temm billi stieden lil kulħadd biex iżur din il-ġawhra ta’ Għawdex fit-8 ta’ Marzu u jesplora s-sbuħija naturali tad-Dwejra waqt l-attività Dwejra Looking Beyond.