Iċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta qed jistieden lill-pubbliku għall-ftuħ tal-wirja ‘China (Hainan) Intangible Cultural Heritage’ nhar il-Ġimgħa, 10 ta’ Mejju fis-6:00 p.m. Magħrufa bħala l-“Hawaii taċ-Ċina”, din il-provinċja ta’ Hainan hi l-unika gżira tropikali fiċ-Ċina.
Bil-bajjiet tar-ramel mill-isbaħ, siġar tal-palm, lukandi lussużi u diversi postijiet moderni tad-divertiment, Hainan hi l-post ideali għall-isbaħ vaganzi. F’din il-gżira jgħixu wkoll għadd ta’ komunitajiet ta’ minoranza etnika, fosthom il-popli Han, Li, Miao u Hui, li kull waħda minnhom tikkontribwixxi għal firxa kbira ta’ drawwiet folkloristiċi u stili ta’ ħajja.
Hainan hu mogħni bi 82 oġġett ta’ wirt kulturali intanġibbli fil-livell provinċjali jew ogħla, li minnhom 32 kisbu rikonoxximent nazzjonali bħala teżori. Dawn it-teżori kulturali huma l-pilastri taċ-ċivilizzazzjoni ta’ Hainan u jirriflettu l-vitalità dejjiema u l-iżvilupp kontinwu tagħha.
Fi ħdan ix-xenarju dejjem jinbidel ta’ Hainan, il-wirt kulturali intanġibbli hu xhieda vibranti tal-wirt abbundanti tar-reġjun li jimxi id f’id mal-ħajja kontemporanja.
Il-wirja ‘China (Hainan) Intangible Cultural Heritage’ se tkun qed tippreżenta għażla ta’ ritratti, oġġetti u kostumi li juru l-wirt kulturali u d-diversi drawwiet distinti ta’ Hainan, bħat-tnaqqix tal-ġewż tal-Indi, il-produzzjoni tad-drapp mill-qxur tas-siġar u ż-żfin fuq il-qasab twil, fost oħrajn.
Fil-provinċja ta’ Hainan insibu wkoll għażla ta’ kant folkloristiku li jmur lura għal sitt sekli sħaħ, fosthom dak ta’ Yazhou. Dawn il-melodiji għandhom temi profondi li spiss jitkellmu dwar il-ħajja soċjali, il-leġġendi, il-folklor, l-istorja, il-pajsaġġi u l-attivitajiet ta’ kuljum.
Dawk li se jżuru din l-esebizzjoni bla ħlas jistgħu jiskopru aktar drawwiet kurjużi tal-Provinċja ta’ Hainan. Hu rrakkomandat li min se jattendi jibgħat imejl fuq events2024ccc@gmail.com biex jirriserva post minħabba li l-ispazju hu limitat.
Iċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta jinsab f’173, Triq Melita, il-Belt Valletta.