Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, Owen Bonnici, żar is-sit preistoriku ta’ Għar Dalam sabiex isegwi l-investigazzjonijiet arkeoloġiċi li għaddejjin bħalissa fil-post minn Heritage Malta. Dawn l-istudji tqanqlu minn skoperta ta’ materjal ġewwa kamra mġarrfa li tinsab fil-viċinanzi ta’ Għar Dalam fejn kien hemm bosta frammenti ta’ għadam ta’ annimali preistoriċi. Fost l-għadam li nstabu kien hemm ta’ ipopotami, iljunfanti u anke lpup.
“Għar Dalam huwa wieħed mill-iprem siti paleontoloġiċi, arkeoloġiċi u naturali tal-gżejjer tagħna, u sar ħafna xogħol biex tiġi studjata l-informazzjoni li tinsab fis-saffi li hemm depożitati fih. Biex jikber l-għarfien dwar l-importanza ta’ dan is-sit, Heritage Malta qiegħda taħdem bis-sħiħ ħalli tpoġġi lill-Għar Dalam fil-kuntest tal-pajżaġġ li jinsab fih u anki in relazzjoni ma’ siti oħra fil-madwar,” stqarr il-Ministru Bonnici.
Din is-sejba aċċidentali seħħet f’Mejju li għadda waqt it-tneħħija ta’ veġetazzjoni minn fuq u madwar il-kamra mġarrfa, meta siġar ta’ speċi aljeni kienu qed jiġu eliminati mill-inħawi bħala parti mill-għan ta’ Heritage Malta li tibdel dawn l-ispeċi invażivi ma’ pjanti u siġar indiġeni b’kollaborazzjoni mal-ERA. Ix-xogħlijiet li twettqu f’Mejju kixfu wkoll il-bieb oriġinali (li kien imbblukkat) tal-kamra.
Studji preliminari tas-sezzjoni ta’ materjal li nkixef wara li nfetaħ il-bieb tal-kamra żvelaw kwantità ta’ frammenti ta’ għadam ta’ annimali presitoriċi li tipikament jinstabu ġewwa Għar Dalam. Dawn għamluha ċara illi din il-kamra mġarrfa kienet mimlija b’tipi ta’ ħamrija differenti li ġew skavati mill-għar. Aktar investigazzjonijiet arkeoloġiċi li għaddejjin bħalissa komplew iwasslu għas-sejba ta’ aktar għadam ta’ annimali preistoriċi u biċċiet ta’ fuħħar.
Il-Ministru Bonnici għamel referenza wkoll għal numru ta’ studji oħra li qed jiġu pjanati, li jiffurmaw parti minn proġett ikbar maħsub biex joħloq aċċessibilità fiżika u intellettwali bejn Għar Dalam, Ta’ Kaċċatura, Borġ in-Nadur u siti oħra fil-qrib.
Dawn jinvolvu stħarriġ diġitali ta’ Għar Dalam, inkluż l-għar u l-inħawi ta’ fuqu, stħarriġ diġitali tal-villa Rumana Ta’ Kaċċatura u ta’ siti oħra fil-madwar, u investigazzjonijiet arkeoloġiċi f’postijiet magħżula fis-sit u madwaru. Faċilitajiet ġodda għall-viżitaturi u strateġiji ġodda ta’ interpretazzjoni, kemm għal Għar Dalam u kif ukoll għas-siti tal-qrib, qed jiġu wkoll ikkunsidrati.
L-investigazzjonijiet arkeoloġiċi qed jitmexxew minn Heritage Malta b’kollaborazzjoni mas-Superintendenza tal-Patrimonju Kulturali, u bl-għajnuna ta’ voluntiera mill-Assoċjazzjoni tal-istudenti tal-Istudji Klassiċi u Arkeoloġiċi (CASA).