Il-porċellana.
Materjal taċ-ċeramika lussuża li kienet ferm iktar popolari fl-Orjent anki sa mis-seklu erbatax.
Fl-Ewropa daħlet iżjed ‘il quddiem u wirja tal-porċellana fil-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu titfa’ dawl dwar dan il-materjal użat min-nies aristokratiċi.
“Kienu ftit ħafna n-nies li kienu attwalment ikollhom il-porċellana d-dar. Jiġifieri qed nitkellmu l-Granmastru, issa nafu l-Inkwiżitur, jiġifieri dik il-kategorija ta’ nies fil-quċċata tas-soċjetà.” Stqarr il-Kuratur tal-Mużew tal-Arkeoloġija Nathaniel Cutajar.
Waqt skavi li kienu qed isiru sa mill-elf disa’ mija tmienja u disgħin, fil-palazz tal-Inkwiżitur instabu materjal tal-porċellana fosthom platti li fuqhom kien jiġi ppreżentat l-ikel ħalli l-Inkwiżitur kien jimla’ żaqqu.
“Il-porċellana kienet tintuża pjuttost, milli jidher, milli nistgħu nifhmu f’okkażjonijiet speċjali. Jiġifieri meta kien ikollhom banketti statali u dak it-tip t’attività.” Kompla jispjega l-Kuratur Cutajar.
Nathaniel Cutajar, il-kuratur tal-mużew tal-arkeoloġija li wettaq studju intensiv dwar dan spjega li l-porċellana misjuba fil-post fejn kienu jingħataw kastigi ħorox lil min idendel kusu mal-Qorti tal-Knisja tammonta biss għal ftit inqas minn wieħed fil-mija.
Minkejja dan, saħaq li l-porċellana misjuba hija arkivju arkeoloġiku importanti.
“Il-mużew baqa’ jżomm il-biċċiet li baqgħu joħorġu tul ix-xogħol ġol-palazz stess tant li llum għandna kollezzjoni mhux ħażin ta’ materjal illi qed jiġi studjat. Ovvjament importanti li meta għandek bini storiku l-materjal ma jintremiex minn kwalunkwe bini storiku.” Ikkonkluda Cutajar.
Il-porċellana misjuba fil-Palazz tal-Inkwiżitur hija esposta f’wirja temporanja fl-istess palazz sal-aħħar ta’ din is-sena.
Filfatt il-Ministru Owen Bonnici inawgura din il-wirja u qal li din il-wirja hija mod ieħor kif nitfgħu dawl fuq l-aspetti storiċi ta’ pajjiżna li forsi m’humiex daqshekk magħrufa.
Min-naħa tiegħu ċ-Chairman ta’ Heritage Malta Anton Refalo saħaq li saret riċerka importanti dwar il-porċellana u l-pubbliku għandu ġojjell li jista’ japprezza ferm aktar mill-viċin.