Villa Guardamangia, il-villa li kienet, għadha u tibqa’ taffaxxina u tpaxxi lill-pubbliku.
Minkejja dan, ftit li xejn nafu dwarha u aktar minn hekk, dwar l-attività fi ħdanha.
Fil-villa li r-Reġina Eliżabetta kienet issejħilha ‘id-dar’ tagħha f’Malta, Heritage Malta, ħejjiet ġurnata miftuħa għall-pubbliku, li kkonkorra bi ħġaru u saħansitra kien imħeġġeġ jieħu miegħu tifkiriet li b’xi mod għandhom x’jaqsmu ma’ dan il-wirt storiku f’pajjiżna.
Fil-fatt Heritage Malta rnexxielha tiskopri l-istorja tal-mara liebsa l-iswed li ġibdet l-għajn tar-Reġina Eliżabetta li dak iż-żmien kienet għadha Prinċipessa.
Qal, “Sirna nafu per eżempju li darba waħda ftit wara li ħarġet minn Villa Guardamangia, il-Prinċipessa rat waħda mara Maltija liebsa l-iswed u waqfet issaqsiha għalfejn liebsa l-iswed u qaltilha li kien għadu kif mietilha r-raġel ftit ilu u allura kkonslatha, tatha s-sapport tagħha, xi ħaġa li din il-mara kienet apprezzat ħafna.”
Kienu bosta li waqt l-Open Day ħadu magħhom memorji stampati fuq ritratti u stediniet biex jagħtu daqqa t’id lil Heritage Malta biex flimkien jgħaqqdu storja waħda.
Fost oħrajn, il-pubbliku preżenta ritratti tar-Reġina Eliżabetta f’avveniment f’Malta u ritratti ma’ wliedha.
Spjega, “Dawn kollha huma importanti ħafna ħalli eventwalment nippreżentaw l-esperjenza umana tal-prinċipessa Eliżabetta ta’ Malta, kif hi esperjenzat lil Malta fi żmien li qagħdet magħna.”
Gambin kellu appell għal kull min għandu xi tifkira ta’ Villa Guardamangia biex l-istampa mhux kompluta li tirrakkonta l-istorja tal-familja rjali Ingliża f’pajjiżna ssir aktar ċara.
Qal, “Dawk il-membri tal-pubbliku kollha illi għandhom xi ritratt, xi dokument, xi ittra, xi invit, xi ħaġa li jaħsbu li tista’ titfa’ aktar dawl l-esperjenza ta’ Malta li kellha l-prinċipessa u l-prinċep Philip u l-konnessjoni tal-koppja rjali b’mod ġenerali hawn Malta huwa mitlub li jippreżentahomna ħalli nkunu nistgħu nkomplu ngħaqdu din l-istorja.”
Mis-sena d-dieħla mistennija jibdew xogħlijiet fuq Villa Guardamangia bil-għan li tiġi restawrata lura għall-glorja tagħha.
Sadanittant, uffiċjali u ħaddiema ta’ Heritage Malta għaddejjin b’xi xogħlijiet ta’ konservazzjoni fuq id-dar irjali fejn fost oħrajn qegħdin jikxfu ħajt imżejjen u b’arti liema bħala minn taħt iż-żebgħa bajda.