Taħt it-tul tal-Pjazza tal-Lunzjata f’Tas-Sliema, ġie skopert xelter tat-Tieni Gwerra Dinjija.
Waqt xogħlijiet infrastrutturali tal-Gvern li kienu qegħdin isiru f’din il-pjazza, beda jitqaxxar il-wiċċ tat-triq meta nkixfu l-kappelli li kienu qed jgħattu x-xelter.
Is-Supretendent tal-Wirt Kulturali, Kurt Farrugia, spjega kif immedjatament waqfu x-xogħlijiet biex isiru l-ispezzjonijiet meħtieġa mis-Sovraintendenza tal-Wirt Kulturali.
“X’ħin ġiet irrappurtata s-sejba tax-xelter, tlabna li jieqfu x-xogħlijiet sakemm ix-xelter jiġi surveyed u jittieħdu ritratti tajbin tiegħu. Aħna ġejna wkoll fuq il-post biex naraw il-kundizzjoni tax-xelter u nikkonfermaw li s-survey li ngħatalna huwa korrett u jaqbel mal-layout kif inhu verament, tkellimna wkoll mal-periti u l-kuntratturi dwar il-pass ’il quddiem li huwa kif ħa jerġa’ jissaqqaf ix-xelter, l-aċċess li jitħallilu u jistgħu jitkomplew ix-xogħlijiet.”
Sa issa, f’dan ix-xelter ma nstabu l-ebda oġġetti tan-nies li kienu jgħixu fih, ħlief xi ħadid tas-sodod u taħżiż mal-ħajt.
“Ix-xelter, aħna nżilna fih ukoll, huwa pjuttost nadif. Bħala fdalijiet kważi ma fih xejn, li għandu hemm xi arti u tinqix li kienu jagħmlu n-nies li kienu jużaw ix-xelter dak iż-żmien u apparti minn hekk, ix-xelter għandu aċċessi għal partijiet privati.”
Dan ix-xelter jinfed għal taħt id-djar tan-nies u allura ma jistax ikun miftuħ għall-pubbliku.
Minkejja dan ġie deċiż li ħa jissaqqaf indipendentament mill-pavimentar, biex ikun aċċessibbli f’każ ta’ bżonn.
“Is-Sovraintendenza qablet mal-kuntratturi li jsiru żewġ aċċessi, waħda fuq kull naħa. L-aċċess ikun permezz ta’ manhole biex meta jkun hemm il-bżonn li x-xelter jinfetaħ, l-aċċess ikun faċli.” 14
Residenti anzjani li kienu fuq il-post qalulna li l-aħħar li nfetaħ dan ix-xelter kien fl-elf disa’ mija sebgħa u ħamsin, meta kien hemm biża’ ta’ attakki mill-ajru.
Qabel kien jintuża waqt it-Tieni Gwerra Dinjija.