Skont il-Kap tal-Oppożizzjoni pajjiżi oħrajn qed jiftħu u jnaqqsu r-restrizzjonijiet, minkejja li l-Ewropa qed tkompli tiġġieled l-imxija, partikolarment kontra l-varjant Ingliż.
Il-parir xjentifiku jgħid li l-varjant Ingliż jittrasmetti l-virus b’rata massima ta’ 70% aktar iżda għal Bernard Grech pajjiżi oħrajn qegħdin jiftħu.
Grech stqarr: “X’qegħdin jagħmlu pajjiżi oħrajn? Qegħdin jibdew jiftħu.”
Quddiem din id-dikjarazzjoni, ONE News ta’ ħarsa dwar x’qed isir f’pajjiżi ewlenin oħra fl-Ewropa u x’ħabbru l-Gvernijiet tagħhom fl-aħħar jiem.
Fl-Italja, il-Prim Ministru Mario Draghi ordna lockdown strett ieħor fejn ir-ristoranti, il-ħwienet u l-iskejjel ingħalqu u fi tmiem il-ġimgħa tal-Għid, kollox se jkun magħluq kompletament.
Dan hu affettwat b’mod partikolari fi bliet kbar bħal Milan u Ruma.
Franza wkoll ħabbret lockdown, fosthom f’Pariġi.
Fil-Greċja reġgħu ngħalqu l-iskejjel u fi bliet bħal Ateni ngħalqu l-ħwienet mhux essenzjali u n-nies jistgħu jmorru jixtru minn ċertu ħwienet li huma biss sa żewġ kilometri fejn joqogħdu.
Dan ifisser li kieku dan hu impost f’Malta, mill-Marsa fejn jinsab il-kumpless ONE, lanqas tista’ tmur imqar sal-Belt għax dan hemm distanza li taqbeż iż-żewġ kilometri.
Apparti minn hekk il-Griegi lanqas imbagħad jistgħu joħorġu minn djarhom mid-disgħa ta’ filgħaxija sal-għada fil-ħamsa ta’ filgħodu fost il-ġimgħa u fi tmiem il-ġimgħa, in-nies kollha jridu jkunu kollha ġewwa mis-sebgħa ta’ filgħaxija sal-ħamsa tal-għada filgħodu.
Għal dan kollu, fl-aħħar ġimgħat kien hemm protesti kbar.
Fi Spanja wkoll in-nies ma jistgħux joħorġu minn djarhom sa Mejju li ġej filwaqt li l-Gvern tar-Repubblika Ċeka impona lockdown iżjed strett u ngħalqu anki ċ-ċentri fejn jinżammu t-tfal żgħar.
Fil-Belġju l-lockdown se jibqa’ għaddej sax-xahar id-dieħel u fid-dar tista’ tilqa’ sa persuna waħda biss.
Fil-Portugall għalkemm l-ewwel tħabbar xi ftuħ ta’ ħwienet għadu impost lockdown u l-pjan li jerġgħu jiftħu l-iskejjel hu għal wara nofs April, jekk is-sitwazzjoni titjieb minħabba anki żidiet fil-każijiet fl-isptarijiet.
L-Irlanda, li ilha b’lockdown nazzjonali minn Diċembru li għadda se tibqa’ bir-restrizzjoni filwaqt li l-Ġermanja ħabbret lockdown għall-belt ta’ Hamburg wara żieda fil-każijiet ta’ Coronavirus f’din il-belt.
Intant fl-intervista Bernard Grech iġġustifika d-dejn ta’ miljuni ta’ ewro li għandu l-Partit Nazzjonalista u qal li l-partit tiegħu għandu d-dejn bħal ma għandhom in-nies li jissellfu mill-bank biex jixtru proprjetà.
Grech stqarr: “Kull min jixtri dar jew aħjar il-kwantità ta’ nies li jixtru dar ikollhom id-dejn mela aħna meta xi ħadd ikollu d-dejn, kif għandi d-dejn jiena, għax għadni nħallas id-dar tiegħi, ħadd ma joqgħod jgħajjarni li għandi d-dejn.”
Fl-intervista mal-editur tal-gazzetta Illum, Bernard Grech ma qagħadx lura li jizzika lil predeċessur tiegħu dwar id-donazzjoni li mar jippreżenta lid-Dar tal-Providenza.
Grech fakkar lil Adrian Delia li dak li ppreżenta hu ma ġiex aċċettat għax l-affarijiet ma kinux ċari.
Huwa tenna: “Illum nafu illi s-sitwazzjoni hija li hi, id-Dar tal-Providenza m’aċċettatx dik id-donazzjoni, lanqas il-wegħda tad-donazzjoni għaliex imbagħad irriżultalha illi l-affarijiet ma kinux ċari.”