Taljan ta’ 55 sena ammetta għall-akkuża li kien fil-pussess tas-sustanzi tad-droga u li importa d-droga f’ammonti zgħar f’ pajjiżna minn Milan. Giuseppe Marucci kien akkużat li mporta erba’ grammi kannabis u tlett grammi kokaina, iżda qal lill-Qorti li nesa’ li kien qed iġorr il-kokaina fuqu u li jużaha għall-użu personali tiegħu peress li jbagħti mid-depressjoni u jużaha biex tikkalmah.
Huwa ssokta jgħid li jbagħti bl-anzjeta wkoll, għalhekk ma setax konxjament iġorrha miegħu għax il-biża’ li jinqabad kienet tikkawżalu wisq anzjeta. Il-prosekuzzjoni qalet lill-Qorti li s-sustanza nstabet f’ ‘guest house’ fil-Belt wara li sar rapport lill-pulizija li kien hemm id-droga miġbura esposta f’kamartu.
It-Taljan irrifjuta li jkun assistit minn avukat, minkejja li l-Maġistrat fakkritu li għandu d-dritt għal dan, għaliex skontu ċ-ċirkustanzi tal-każ huma daqstant evidenti li juru li għandu ħtija li qas hemm bżonn t’avukat jiddefendih. Il-Qorti qablet miegħu u mmultatu €1,500.