Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia qal li l-gvern għadda mit-test tal-Caritas għax fil-budget wera li ta aktar mill-ħtiġijiet li semmiet l-istess organizzazjzoni biex jonqsu n-nies fil-periklu tal-faqar.
Waqt li kien jagħlaq id-diskussjoni dwar il-voti tal-ministeru tiegħu, il-Ministru qal li gvernijiet Laburisti minn dejjem ħadmu favur iż-żgħir u għenuh iqum fuq saqajh.
Huwa qal li għall-gvern laborista l-faqar mhux perċezzjoni u ħadem biex dan jonqos, bħal ma turi l-istatistika li f’din il-leġislatura dawk li jgħixu fil-faqar naqsu b’madwar 5,000. Bil-miżuri li ħa l-Gvern, il-faqar se jkompli jonqos.
Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana qalet li dan il-baġit se jibqa’ msemmi għar-riformi kbar li fih u sejħitlu “baġit soċjali per eċċellenza”. Minkejja l-isfidi l-kbar li jeżistu fl-oqsma tal-persuni b’diżabilità u l-anzjani, bil-miżuri mħabbra fil-baġit, dawn għandhom ikomplu jtejjbu l-ħajja tagħhom.
Ix-Shadow Minister Paula Mifsud Bonnici rrimarkat li l-Gvern Laburista bħal donnu kien rieqed u stenbaħ meta ntebaħ li kien ġej baġit ieħor u hemm nies li qed ibatu. Hija qalet li dan il-baġit huwa bla viżjoni għax ma jgħidx kif il-Gvern se jindrizza l-isfidi.
Tkellmet ukoll il-mexxejja takl-Partit Demokratiku Marlene Farrugia li appellat lill-gvern biex jagħti kundizzjonijiet lill-foqra biex dawn jintefgħu mill-qiegħ u jiksbu dinjità. Issuġġeriet li bil-flus li ffranka minn fuq ix-xiri taż-żejt u l-bejgħ tal-assi, l-gvern jagħmel skema biex iż-żgħar jingħataw self biex jixtru darhom għax lil dawn il-banek kummerċjali ma jsellfuhomx.