B’differenza ta’ pajjiżi oħra Ewropej, il-pagi f’Malta baqgħu b’saħħithom fil-pandemija.
Dan ħareġ f’rapport tal-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, l-NSO.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol ntqal li fis-sena tal-pandemija, kien hemm impatt negattiv fl-ekonomija u fuq il-pagi tal-ħaddiema Ewropej iżda f’Malta, il-pagi baqgħu b’saħħithom.
Il-Gvern qal li d-diversità fl-ekonomija Maltija għenet biex l-impatt negattiv jittaffa peress li ntlaqtu setturi bħal dak tal-ħwienet u t-turiżmu kawża ta’ restrizzjonijiet minħabba l-imxija.
Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana rrimarka li oqsma varji bħas-servizzi finanzjarji, professjonali u l-kostruzzjoni kienu importanti biex l-impatt fuq l-ekonomija jitnaqqas.
Skont ir-rapport tal-NSO, il-pagi f’Malta u l-impjiegi baqgħu stabbli.
Dan fl-isfond li n-negozji Maltin u Għawdxin baqgħu joperaw, minkejja li raw tnaqqis fil-profitti tagħhom b’konsegwenza tat-tnaqqis naturali fid-domanda minħabba l-pandemija li laqtet lid-dinja kollha.
Il-Ministru Caruana fakkar li dawn il-figuri huma ċertifikat lill-Gvern, li l-pakketti ta’ għajnuna mħabbra matul dawn l-aħħar xhur, speċjalment l-għajnuna fil-ħlas tal-pagi magħrufa bħala l-Covid Wage Supplement, qed iħallu l-frott tagħhom u qed jiksbu l-miri mixtieqa.
Qal kif, “L-istatistika ppubblikata mill-NSO illum ikkonfermat illi l-miżuri li ħa l-Gvern matul dawn l-aħħar xhur kienu ta’ suċċess. Hekk kif l-ammont ta’ pagi mħallsa lill-Maltin u l-Għawdxin baqa’ fl-istess livell tas-sena l-oħra. Dan jikkonferma li minkejja l-isfidi tal-pandemija l-Gvern irnexxielu b’suċċess iżomm il-ħaddiema Maltin u Għawdxin fix-xogħol biex b’hekk Malta wkoll għandha fost l-anqas rati ta’ qgħad meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea.”