Ċifri tal-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, l-Eurostat, jisħqu li, matul l-elfejn tnejn u għoxrin, kien hemm medja ta’ madwar 162 kiogramma ta’ ikel li spiċċaw jinħlew għal kull ċittadin fil-pajjiż.
Ħafna minn dan ikun ikel li jitlesta, iżda ma jiġix ikkonsmat, jew inkella tkun laħqet għaddiet id-data ta’ skadenza tiegħu u allura jintrema.
Meta wieħed iqabbel dan maċ-ċifra tas-sena ta’ qabel, jiġifieri l-elfejn u wieħed u għoxrin, kien hemm żieda ta’ tmin kilogrammi f’din il-ħela f’pajjiżna.
Minn analiżi dettaljata tal-istatistika relatata, joħroġ min l-iżjed qed iwassal biex jinħela dan l-ikel f’pajjiżna, bil-Eurostat jipponta lejn id-djar bħala l-aktar responsabbli.
Fil-fatt instab li kull residenza f’Malta kienet qed taħli madwar 88 kilogramma fis-sena, filwaqt li ħwienet tal-ikel u restoranti ħlew wieħed u ħamsin kilogramma kull wieħed. Fabbriki li jipproduċu l-ikel u ħwienet tal-merċa ħlew 14-il kilogramma u disa’ kilogrammi kull wieħed.
L-aktar pajjiżi li, b’mod komplessiv, ħlew ikel kienu l-ġżira ta’ Ċipru b’mitejn u erbgħa u disgħin kilogramma għal kull ċittadin, segwita mid-Danimarka u l-Portugall b’mitejn u erbgħa u ħamsin kilo u mija u ħamsa u tmenin kilo għal kull ċittadin rispettivament.
Fuq in-naħa tagħhom, instab li l-Ungerija, il-Kroazja u s-Slovenja l-inqas li jagħtuha għall-ħela fejn jidħol l-ikel.
Iċ-ċifri tal-Unjoni Ewropea juru li, fl-istess sena, il-medja ta’ ħela ta’ ikel għal kull ċittadin tal-Unjoni Ewropea kienet ta’ mija u tnejn u tletin kilo, bir-riżultat li, b’kollox, is-sebgħa u għoxrin pajjiż ġġeneraw aktar minn disgħa u ħamsin miljun tunellata ta’ skart organiku.