Il-Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo qal li l-għajnuna tal-Gvern fil-pandemija hija minima.
Arrigo qal dan waqt programm fuq ix-xandir nazzjonali meta kien mistoqsi dwar il-mod kif Gvern Laburista kkontrolla l-effetti negattivi tal-pandemija.
Arrigo qal li l-għajnuna tal-Gvern kienet waħda minima u saħansitra sejjaħ l-għajnuna tal-Covid Wage Supplement bħala “l-għajnuna tal-minimum wage.”
Dan minkejja li fl-aħħar sena, din salvat eluf ta’ impjiegi u negozji.
Arrigo qal, “Aħna naħseb li morna għall-minimu meta tara l-oħrajn speċjalment il-pagi.”
Meta kien mistoqsi, “Fhimtek sew il-minimu għidt?”
Arrigo tenna, “L-għajnuna tal-minimum wage.”
Arrigo kkuntrasta bil-kbir kliemu stess hekk kif f’isem il-Partit Nazzjonalista kien talab biex il-miżura tiġi estiża sa Marzu li ġej.
Huwa sostna: “Aħna ridna sa 6 xhur sal-aħħar ta’ Marzu li ġej.”
Ikkuntrasta bil-kbir ukoll ma’ kliem Arrigo, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista nnifsu Bernard Grech hekk kif nnota li permezz ta’ miżuri bħal dik tal-Covid Wage Supplement, kien se jiżdied id-defiċit f’pajjiżna.
Grech qal, “Bħalissa għandna l-ikbar defiċit.”
Intant waqt il-programm kien mistieden ukoll il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo hekk kif qal li t-tieni rawnd ta’ vouchers se jkun qed jitqassam fil-ġimgħat li ġejjin.
Il-Ministru Bartolo stqarr, “Naħseb li salvajna l-industrija bl-għajnuna kollha li tajna b’mod partikolari l-Wage Supplement u anke l-vouchers li ħareġ il-Gvern u li issa fil-ġimgħat li ġejjin se nkunu qed nerġgħu noħorġu t-tieni rawnd ta’ vouchers kif ħabbarna wkoll fil-Budget.”
Spjega wkoll kif se jkun qed jitwaqqaf think-tank li ser jara li jkompli jżid niċċeċ ġodda turistiċi li jkomplu jkabbru l-influss ta’ turisti f’pajjiżna hekk kif ħerġin aħbarijiet sbieħ dwar vaċċin għall-Covid-19 li mistenni jwassal għall-irkupru ekonomiku.
Il-Ministru Bartolo sostna, “Se nkun qed inwaqqaf think-tank jiena sabiex inkunu qed niddiskutu din l-istrateġija li għandna nagħmlu għaż-żmien li ġej. Din hija xi ħaġa li diġà għamiltha fl-aħħar xhur li għaddew fil-qasam diġitali meta kont qed inservi bħala Segretarju Parlamentari. Hija sistema li ħadmet u li ġibna flimkien l-aqwa mħuħ fis-settur.”