Id-deputat tal-Partit Nazzjonalista Joe Giglio kellu jammetti li l-ebda pajjiż fl-Unjoni Ewropea mhu jgħin lin-nies u lin-negozji daqs Malta fejn jidħlu l-kontijiet tal-enerġija.
Viżibbilment mifxul meta mistoqsi d-domanda minn One News, Giglio l-ewwel ipprova jattakka lill-Gvern.
Iżda, mitlub isemmi mqar tliet pajjiżi fejn il-kontijiet tad-dawl m’għolewx – bħalma huwa l-każ f’Malta – ma kellux għażla ħlief li jammetti l-fatti.
Joe Giglio: “M’hemm ebda pajjiż.”
Ġurnalist: “Tliet pajjiżi li m’għolewx il-prezzijiet tal-enerġija fihom.”
Joe Giglio: “M’hemm ebda pajjiż li qed jissussidja. Il-fatt hu li mhux li l-Gvern qed jissussidja, imma li qed jissussidja bit-taxxi tagħna.”
Hawn Joe Giglio dar fuq suġġetti oħra.
Iżda, ladarba kien qed jitkellem fuq il-kwalità tal-ħajja erġajna poġġejnilu domanda sempliċi: jekk hemmx pajjiżi oħrajn li qed jgħinu daqs Malta biex iċ-ċittadini jkunu mħarsa miż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija.
Ġurnalist: “Ma tistax isemmili tliet pajjiżi?”
Joe Giglio: “M’hemm ebda pajjiż.”
Joe Giglio kien qed jitkellem quddiem il-kwartieri ġenerali tal-Pulizija f’konferenza tal-aħbarijiet biex jgħid li f’Malta s-sigurtà hija mhedda. Din il-konferenza tal-aħbarijiet indirizzaha ftit tal-jiem biss wara li ddeskriva l-ħidma tal-forzi tal-ordni kontra l-kriminalità, fosthom it-traffikar tad-droga, bħala teatrin.