Deputati Nazzjonalisti qed jaħarbu u jħossuhom skomdi jwieġbu dwar deputati bħal Jason Azzopardi u Adrian Delia, li ġie rappurtat fuqhom li marru jittallbu u ħadu rigali m’għand ta’ Fenech.
F’konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu, Claudette Buttigieg għażlet li ma tweġibx fuq il-mistoqsijiet li għamel ONE News dwar jekk hiex komda b’Jason Azzopardi u Adrian Delia.
Minflok ħarbet u talbet lill-ġurnalisti oħra jsaqsu.
Anki d-deputat Stephen Spiteri, li indirizza l-konferenza tal-aħbarijiet għażel li ma jweġibx, b’Buttigieg tilqgħalu u titlob lil ħaddieħor isaqsi meta ffaċċjata b’mistoqsija jekk tħosshiex ipokrita li titkellem fuq ħaddieħor iżda mhux fuq deputati Nazzjonalisti oħra bi stejjer ta’ rabtiet ma’ ta’ Fenech.
Jason Azzopardi kien il-persuna li ħa kamra mħallsa mill-grupp tas-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.
Fil-fatt Jason Azzopardi kienet tħallsitlu kamra minn ta’ Fenech f’lukanda f’Tel Aviv meta dan kien mar għall-vaganza minħabba li kellu tieġ.
Dwar Adrian Delia kienu ssemmew allegazzjonijiet, saħansitra minn David Thake, illum deputat Nazzjonalista, li Delia ħa jew ġie offrut flus mingħand Yorgen Fenech biex tiġi mminata l-kampanja elettorali ta’ David Casa.
Fuq dawn l-allegazzjonijiet issemma wkoll Pierre Portelli li ġimagħtejn ilu rriżenja minn membru tal-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.
Pierre Portelli kien imexxi l-midja Nazzjonalista fi żmien li Adrian Delia kien Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Għal dan kollu, id-deputati Nazzjonalisti qed jibqgħu siekta bħal Kap Bernard Grech, li lbieraħ ukoll kien mistoqsi dwar dan iżda minflok qal biss li l-iżviluppi li seħħew b’rabta mal-qtil ta’ Caruana Galizia ġraw bis-saħħa tal-Partit Nazzjonalista.
Intant fuq Facebook, Delia rreaġixxa għall-fatt li deputati oħrajn ma ddefendewhx.
Hu talab lil ONE News isaqsi lilu dirett wara li b’mod evidenti, Claudette Buttigieg u Stephen Spiteri għażlu li ma joħorġux għonqhom għalih, wara li kien ġie allegat li Delia ħa flus m’għand Yorgen Fenech biex Casa ma jitlax fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.