Id-Deputati Nazzjonalisti qed jevitaw bis-saħħa kollha li jwieġbu dwar x’ser tkun il-pożizzjoni tagħhom dwar il-liġi tal-kannabis jekk ikunu fil-Gvern.
Għalkemm il-Partit Nazzjonalista spiċċa ħareġ kontra l-liġi proposta wara xhur bla pożizzjoni issa qed jirrifjuta li jwieġeb x’ser ikun qed jagħmel bil-liġi jekk ikun fil-Gvern.
Barra d-Dar Ċentrali waqt laqgħa tal-Grupp parlamentari deputati Nazzjonalisti evitaw li jwieġbu din il-mistoqsija sempliċi.
Il-Viċi-Kap Nazzjonalista David Agius ukoll irrifjuta li jwieġeb u kkonferma li l-Partit Nazzjonalista m’għandux pożizzjoni waħda.
Staqsejnieh ukoll għaliex Bernard Grech ma tkellimx fil-Parlament dwar liġi li dwarha laqqa’ l-Grupp parlamentari ħames darbiet.
Dak rappurtat fuq il-Maltatoday, li d-Deputati ta’ Bernard Grech intalbu jevitaw li jwieġbu l-mistoqsijiet dwar x’jagħmel bil-liġi tal-kannabis jekk ikun fil-Gvern, qajmet frustrazzjoni kbira fost id-Deputati ta’ Grech stess.
Frustrazzjoni li David Agius ma setax jikkontrolla u spiċċa jitfa’ tiegħu fuq il-ġurnalist li kien qed jistaqsieh bil-kalma kollha.
Imbagħad l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia kkonferma li l-Partit Nazzjonalista għadu indeċiż x’jagħmel jekk ikun fil-Gvern.
U jekk qatt kien hemm dubju dwar l-iskumdità fost il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista kollu, Edwin Vassallo qata’ kull dubju.
Dan hekk kif anki fuq wegħdiet li għamel il-Partit Nazzjonalista stess, ma kienx komdu jwieġeb.