Wara li l-Erbgħa filgħaxija l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech laqqa’l-Grupp Parlamentari fuq il-ħatriet tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika u l-Ombudsman, u wara li stqarrija tal-Partit Nazzjonalista nnifsu wara l-laqgħa kkonfermat li Bernard Grech kien imġiegħel imur lura minn kliemu fuq il-ħatriet, ONE News staqsa lil deputati Nazzjonalisti barra l-Parlament dwar l-aħħar kummenti li kien għamel Beppe Fenech Adami.
Ftit tal-jiem ilu biss, Fenech Adami qal li kien żball li Bernard Grech ħalla lil Chris Said, lil Mario De Marco, u lil Carmelo Mifsud Bonnici mingħajr portafoll fix-Shadow Cabinet.
Meta staqsejna lil Deputati Nazzjonalisti differenti kien hemm min tefgħaha fuq il-Kap.
“Jien inħalli fi jdejn min jiddeċiedi u jerfa’ r-responsabilità min jiddeċiedi.”
Stephen Spiteri
“Le, le, dik hija deċiżjoni tal-Kap tal-Partit.”
David Agius
Stephen Spiteri kien skomdu jwieġeb jekk jaqbilx ma’ Beppe Fenech Adami jew ma’ Bernard Grech.
Ġurnalist: “Imma żbalja meta ma inkludihomx?”
Stephen Spiteri: “Ma nikkummentax fuq hekk.”
Is-Sibt li għadda, Fenech Adami qal ukoll li jippretendi li s-sitwazzjoni tax-Shadow Cabinet ta’ Bernard Grech tiġi rimedjata.
“Naħseb deċiżjoni żbaljata u nittama li dik il-ħaġa tiġi rranġata. Jien naħseb li kien żball li lil dawn it-tliet persuni m’għamilhomx kelliema u ma tahomx dekasteru. Naturalment, kien hemm loġika, però naħseb li hu żball li aħna nippruvaw fil-politika tagħna ma nipproteġux u ma niftaħrux bil-legat tal-PN.”
Beppe Fenech Adami
Id-Deputat Nazzjonalista rivali ieħor fuq l-istess distrett ta’ Fenech Adami, Justin Schembri, mhux biss kien skomdu dwar liema naħa se jieħu iżda saħansitra qalilna li m’għandux tweġiba, u lebbet fuq ponot subgħajh.
Ġurnalist: “Taqbel mal-kollega tiegħek Beppe Fenech Adami li Bernard Grech żbalja meta għamel ix-Shadow Cabinet tiegħu?”
Justin Schembri: “Il-lejla t-tajba. M’għandix tweġiba, m’għandix tweġiba. Il-lejl it-tajjeb, ta.”
Bħal Schembri, kienet skomda d-deputat Nazzjonalista Bernice Bonello, kif jixhed dan il-filmat.
Ġurnalist: “Onorevoli, Beppe Fenech Adami qal li Bernard Grech żbalja meta għamel ix-Shadow Cabinet tiegħu. Taqbel miegħu?
Bernice Bonello: “Thank you, thank you.”
Ġurnalist: “Għandu jirranġah bħalma qal Fenech Adami?”
Bernice Bonello: “Naħseb, fl-aħħar mill-aħħar, kulħadd jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu… se tiġu miegħi, se tiġu miegħi? Grazzi.”