Wara diżgwid u konfużjoni fil-Partit Nazzjonalista dwar l-emendi mressqa mill-Gvern biex żgħażagħ ta’ sittax u sbatax-il sena jkollhom l-opportunità li jsiru Sindki jew Viċi Sindki, jekk jingħataw il-fiduċja, il-Partit Nazzjonalista issa qiegħed jgħid li issa se jivvota favur.
Dan qalitu l-Kelliema taż-Żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista Bernice Bonello waqt diskussjoni imtella’ qabel li nhar it-Tnejn mistenni jintemm il-proċess Parlamentari biex dawn l-emendi jiġi approvati.
“Bħala partit qbilna ma’ din l-abbozz li żgħażagħ ta’ sittax-il sena jistgħu jilħqu sindki u aħna nhar it-Tnejn se nkunu qed nivvutaw favuriha.”
Madankollu, b’din id-dikjarazzjoni, Bernice Bonello kompliet tikkonferma n-nuqqas ta’ koerenza u direzzjoni politika fi ħdan il-grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista.
Dan wara li kien id-deputat tal-PN Justin Schembri li ftit ġimgħat ilu pront kiteb fuq il-mezzi soċjali li din il-liġi hija “l-aktar ħaġa bla sens li setgħet issir.”
Iżda, wara ftit dan il-kumment ma baqax jinstab għaliex Schembri kien imġiegħel iħassru mill-istamperija. Dan għax f’dokument tal-Partit Nazzjonalista dwar il-Kunsilli Lokali saret l-istess proposta.
Fil-fatt, din l-emenda fil-liġi ġiet imfaħħra minn ħafna fosthom mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ stess hekk kif qalu li dan qed isir biex iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin ikollhom pjattaforma fejn jiddiskutu, jedukaw, u jappoġġjaw l-impenn ċiviku, it-tmexxija taż-żgħażagħ fil-governanza lokali, u l-importanza tal-Vot 16.
ONE propju staqsa lil Bonello dwar dak li kien qal Schembri.
Evidentament skomda bagħtitna nistaqsu lilu mingħajr ma tagħtna l-ebda tweġiba.
Ġurnalist: “Jiġifieri mhux ċuċata din?
Bernice Bonello: “Jiena ma nistax nitkellem x’qal ħaddieħor jiġifieri, x’nista’ ngħidlek saqsi lil ħaddieħor.”