L-awtoritajiet tas-saħħa għadhom mhumiex f’pożizzjoni li jagħtu l-parir biex jinfteħu l-iskejjel anki għall-programm edukattiv ta’ skola sajf.
Skola Sajf ta’ kull sena tiġbed numru sabiħ ta’ tfal li jirritornaw għall-edukazzjoni informali f’mument iktar rilassat.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci qalet li għadu kmieni wisq biex wieħed jistabilixxi x’ħa jiġri f’Lulju li ġej.
Hija stqarret: “Aħna għamilna l-evalwazzjoni tagħna però għalissa l-iskejjel ma nistgħux nagħtu indikazzjoni jekk għandux jibdew skolasajf jew le għaliex aħna rridu naraw l-impatt ta’ dawn il-miżuri li aħna issa rrilaxxajna.”
L-applikazzjonijiet għal Skola Sajf fetħu xorta iżda l-Ministru għall-edukazzjoni spjega li meta mqabbel mas-snin preċedenti, għal Skola Sajf ta’ din is-sena daħlu biss terz tal-applikazzjonijiet tas-soltu.
Dan hekk kif fi snin passata kienu jidħlu mal-għaxar t’elef applikazzjoni u għal Skola Sajf li ġejja daħlu biss tliet elef applikazzjoni.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika sostniet: “Fejn tidħol skolasajf aħna qed naħdmu bl-understanding li din se tiftaħ fl-ewwel ta’ Lulju li ġej. Naturalment eqreb lejn il-ġurnata nagħtu l-aġġornamenti kollha meħtieġa għax kollox jiddependi dwar kemm il-poplu Malti ikun dixxiplinat u jobdi ir-regoli li qed joħorġu l-awtoritajiet tas-saħħa.”