Tul dan is-sajf, f’Għawdex, 52 tifel u tifla b’diżabilità kellhom l-opportunità li jattendu SkolaSajf, fis-Sannat Special Unit. Hawn l-istudenti esperjenzaw għadd ta’ sessjonijiet speċifiċi, anke b’attenzjoni individwali, fosthom fis-suġġetti tad-drama, ix-xjenza u l-mużika.
Dan grazzi għal ftehim bejn il-Ministeru għal Għawdex, il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi, l-Aġenzija Sapport, fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, u l-għaqda mhux governattiva Għawdxija, Voice for Inclusion Association Gozo.
Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, u l-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport, Oliver Scicluna, fil-jiem li għaddew żaru din it-taqsima fejn setgħu jsegwu wħud minn dawn is-sessjonijiet.
Il-Ministru Farrugia Portelli spjegat kif dan il-proġett hu turija ċara ta’ kemm il-Gvern jemmen u għandu fiduċja fl-għaqdiet volontarji.
Qalet, “Mhux biss toffri kontinwità tul ix-xhur tas-sajf, imma wkoll li l-ġenituri ma jiħdux skossi, għax wasal is-sajf. Ovvjament jekk il-ġenituri jaħdmu, irid ikollhom ukoll kontinwità ta’ kif jistgħu jkomplu bil-ħidma tagħhom.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Camilleri nnota li, min-numru żgħir ta’ disa’ persuni li kienu jużaw dan is-servizz, illum dan in-numru tela’ għal 52 tifel u tifla.
Qal, “Hu ta’ pjaċir ukoll li min-numru żgħir li bdejna, disa’ persuni, tlajna għal tnejn u ħamsin persuna, li qed jirrikorru għal tali programm, li hu wkoll iffinanzjat mill-Gvern.”
Oliver Scicluna, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport, stqarr li permezz ta’ dan il-proġett ma’ tfal b’diżabilità f’Għawdex, qed jiġi indirizzat bżonn edukattiv u soċjali, grazzi għall-kontribut tal-entitajiet kollha involuti.
Qal, “Ħdimna bħala l-Aġenzija Sapport, bħala l-Ministeru tal-Inklużjoni, ħdimna flimkien ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi, li huma l-Voice for Inclusion Gozo, u flimkien ukoll ma’ ministeri oħrajn.”
Iċ-Chairperson ta’ Voice for Inclusion Gozo, Paulina Said, raddet ħajr lill-Gvern tal-impenn tiegħu biex ikompli joffri servizzi speċjalizzati lil tfal b’diżabilità f’Għawdex.