B’investiment ta’ €45,000, li se ikunu qed jingħataw mill-Kunsill Malti għall-Arti lil The Malta Trust Foundation, Villa Bianca se tkun qed tgawdi minn manutenzjoni u strumenti mużikali ġodda.
Il-fondi, li se jingħataw fuq perjodu ta’ tliet snin u se jintużaw ukoll għall-iżvilupp professjonali ta’ għalliema li jaħdmu f’dan iċ-ċentru tal-mużika għal tfal b’diżabilità.
Villa Bianca, ġewwa Birkirkara, hija spazju fil-qasam tal-mużika u l-arti tal-ispettaklu għal tfal bi bżonnijiet diversi li jkunu għadhom ma esperjenzawx opportunità biex jiżviluppaw ħiliet tal-mużika u tal-arti performattiva. Il-villa ngħatat b’donazzjoni lil Malta Trust Foundation minn Fransina u Maurice Abela.
B’fondi mis-settur privat u mill-iskema għall-persuni b’diżabbiltà li tħaddem l-Awtorità tad-Djar, qed isiru x-xogħlijiet meħtieġa biex din il-villa tiġi rranġata biex toffri ambjent adattat lil dawn it-tfal u żgħażagħ.
Il-President tal-Malta Trust Foundation, il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca spjegat li dan l-investiment ikompli jimliha bil-kuraġġ għal iktar ħidma biex aktar żgħażagħ jilħqu l-milja ta’ ħajjithom.
Coleiro Preca stqarret, “Importanti ħafna għax fejn tidħol l-arti, irridu nkunu ċerti li ħadd ma jitħalla lura, anke n-nies u t-tfal, speċjalment żgħażagħ li għandhom potenzjal iżda minħabba diżabilità m’hemmx post fejn jinħeles dan il-potenzjal.”
Il-Ministru għall-Arti José Herrera spjega li dan l-investiment, se jkompli jgħin biex jipprovdi opportunità lil dawn it-tfal fl-arti u fil-mużika.
Il-Ministru Herrera qal, “L-inizjattiva tal-lum hija mmirata lejn dan il-għan, l-inklussività fl-arti. Nirringrazzja lill-President Emeritu għal ħadet din l-inizjattiva u ma naħsibx li kien biss il-pjaċir tiegħi li nista’ ngħin b’xi mod imma naħseb li kienet morali obbligu morali għalina bħala l-Kunsill Malti għall-Arti biex nagħtu l-palat li qed nagħtu ”.