Bdew mexjin ġmielhom ix-xogħlijiet fl-Iskola Sekondarja ta’ Saint Thomas Moore fiż-Żejtun, sabiex b’investiment ieħor qawwi fil-qasam edukattiv, jitkabbar u jimmodernizza l-bini ta’ din l-iskola.
Dan il-proġett tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada huwa mifrux fuq medda ta’ elfejn u ħames mitt metru kwadru u ser jara żieda ta’ 13-il klassi, tmien laboratorji għat-tagħlim tax-xjenza, żewġ klassijiet għall-home economics, u klassijiet għall-inginerija u d-disinn. U sabiex jippreparaw l-istudenti għad-dinja tax-xogħol ser jiġu żviluppati wkoll laboratorji u workshops għal suġġetti vokazzjonali fosthom l-ospitalita` u l-hairdressing.
Il-Perit ressponsabbli minn dan il-proġett, Joseph Attard, spejega ma’ One News ix-xogħlijiet ewlenin u bżonnjużi li ser isiru fir-rinovar ta’ din l-iskola.
Dan il-proġett jinkludi wkoll l-immodernizzar komplet tal-iskola, fejn se ssir aktar aċċessibbli hekk kif ser jiġu installati diversi lifts madwar il-binja.
Intant, alternattiva għal dawn il-klassijiet sakemm jitlesta ix-xogħol fuq il-binja tal-iskola, ser jitpoġġew 8 klassijiet temporanji, li ser ikunu attreazzati bl-apparat kollu neċessarju għat-tagħlim, bħal kwalunkwe klassi oħra.
Il-Perit spjega u għamilha ċara li dawn il-klassijiet temporanji ser ikunu mgħammra bħal klassijiet normali skont kif tgħid il-liġi, sabiex b’hekk l-istudenti kollha li ser jattendu f’din l-iskola fis-sena skolastika li jmiss ikollhom ambjent adekwat sabiex jieħdu l-ogħla tagħlim massimu.
Dawn ser isir ukoll sabiex tinghata priorita` s-saħħa u s-sigurta` tal-istudenti, kif ukoll biex l-istudenti jibqgħu jirċievu t-tagħlim tagħhom f’din l-iskola minflok ma jintbagħtu fi skola oħra.