Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Edukazzjoni, il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima għamel żjara fl-Iskola Primarja Ġużè Pace fil-Ħamrun, sabiex isegwi mill-qrib l-andament tal-proġett EduAI.
L-għan ewlieni tal-proġett li ħadu sehem fih sitta u tletin student u ħmistax-il edukatur, huwa li joħloq għarfien dwar l-intelliġenza artifiċjali permezz ta’ proġetti edukattivi fost it-tfal ta’ bejn it-tmien u l-għaxar snin.
Il-proġett qiegħed juri bil-provi li l-Intelliġenza Artifiċjali fl-edukazzjoni tista’ titħaddem u minnha jistgħu jgawdu l-edukaturi, it-tfal u l-ġenituri tagħhom.
Iċ-Chairman tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu l-Professur Charles Mifsud qal li permezz tal-programm ‘Gost il-Qari’, l-edukaturi u t-tfal qed jużaw pupazzi mgħammra bl-Intelliġenza Artifiċjali biex jagħtu l-ħajja lil stejjer li jkunu qraw flimkien mal-għalliema fil-klassi.
Spjega li “aħna ħarriġna numru kbir ta’ għalliema biex anke biex ikollhom ħiliet kemm fil-litteriżmu u fl-AI u permezz tal-programmi tagħna illi jiffukaw fuq il-qari u l-kitba imma huma popolari fis-sens li hemm interess għalihom minn ħafna ġenituri li jiġu għas-sessjonijiet biex imbagħad dan ix-xogħol u l-ħidma titkompla fil-klassi.”
Il-Ministru Clifton Grima rrefera għall-proġett EduAI bħala eżempju tajjeb ta’ kif l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija nbidlu f’opportunità.
Tenna li “permezz tat-teknoloġija nkomplu nħajru aktar studenti lejn dak li huwa qari u anke naraw li l-istudenti jkollhom l-aqwa esperjenza edukattiva li permezz tagħha jkunu qed jitgħallmu imma anke jkunu qed jieħdu gost jitgħallmu u allura qed nassiguraw propju li jkollok il-perkors edukattiv li jkun qed jintlaħaq b’mod sħiħ u allura jkollok il-potenzjal ta’ kull tifel u tifla li jingħataw l-għodod kollha neċessarji.”