Fil-qalba tal-Fgura nfetħet skola ġdida tal-kindergarten għal aktar minn erbgħin tifel u tifla u li hija amministrata mill-Knisja.
Il-kindergarten jifforma parti mill-Kulleġġ ta’ San Albertu l-Kbir u l-iskola hija attrezzata b’faċilitajiet moderni sabiex it-tfal ċkejknin jieħdu l-aqwa edukazzjoni fl-ewwel żmien ta’ ħajjithom.
Kif spjegalna wkoll is-surmast tal-iskola Mario Mallia, it-tfal li jintgħażlu biex jidħlu fl-iskola tad-Dumnikani, jistgħu jibdew mill-kindergarten u jkomplu bil-vjaġġ edukattiv sal-ħames sena tas-sekondarja.
Qal, “L-iskop huwa li l-kulleġġ nagħmluh kemm jista’ jkun inklussiv, jiġifieri llum il-bibien huma miftuħin għal kull tifel jew tifla ta’ kull razza u twemmin, u anke ta’ kull età issa jiġifieri l-kinder l-iskop tiegħu huwa li s-servizz li ġa konna qed nagħtu mill-premissi tal-Belt minn 5 snin sa 16, issa jinżel minn 3 snin għal 16. Issa qed nagħtu esperjenza dejjiem edukattiva għal dawn l-istudenti.”
Din l-iskola nfetħet b’mod uffiċjali mill-Majjistru Ġenerali tal-Ordni Dumnikani Fra Gerard Timoner, li bħalissa jinsab f’pajjiżna għaċ-ċelebrazzjonijiet li qed isiru mill-Komunità Dumnikana dwar it-tmien mitt sena mill-mewt ta’ San Duminku.
Il-Fra, li huwa s-suċċessur ta’ San Duminku faħħar il-mod ta’ kif jaħdmu l-patrijiet Dumniknani hawn f’Malta.
Spjega, “The purpose of the school is for students young ones, they are disciples and we hope whatever it is they will learn from here, will have fruit in the future in the life of the church. But for Malta aswell and global community because there are many people coming here and this is an important thing to realise.”
Bħalissa fil-Knisja tal-Patrijiet Dumnikani fil-Birgu hemm esposta r-relikwija tal-kranju, jiġifieri l-biċċa ta’ wara tar-ras ta’ San Duminku li nġabet mill-Monasteru tas-Sorijiet Dumnikani f’Ruma.