Għaddew iktar minn għoxrin jum minn meta l-Awditur Ġenerali ppubblika żewġ rapporti iebsa dwar deċiżjonijiet li ttieħdu fi żmien li responsabbli kien l-eks Ministru Jason Azzopardi.
Minn dakinhar, Simon Busuttil, ma deher f’ebda attivita pubblika fejn setgħu jistaqsu l-ġurnalisti. Għaldaqstant, fl-ewwel jum li fih reġa’ beda jiltaqa’ l-Parlament, stennejna lil Busuttil dieħel għas-seduta.
Iżda Busuttil ma kienx komdu jieqaf iwieġeb dwar is-suġġett.
L-istess bħal Busuttil ma kienx komdu jwieġeb Jason Azzopardi nnifsu, li sa issa nħeba wara kawża ta’ libell li fetaħ lill-Ministru Owen Bonnici. Anke meta mistoqsi jirriżenjax jekk joħorġu provi li hu wiegħed kompromess lil Żaren Vassallo b’rabta mad-deal tal-Lowenbrau, Azzopardi ma weġibx. Bħalu għamlu deputati li riedu jiddefenduh. Oħrajn ma kienux komdi jikkummentaw dwar dan il-każ skandaluż li dwaru l-Awditur Ġenerali qal li għandha tintrefa r-responsabbiltà.