Deputati nazzjonalisti li ma jitilfux okkażjoni biex jiktbu u jikkomunikaw fuq il-paġni tagħhom fis-social media, speċjalment Facebook, spikkaw għas-silenzju tagħhom wara l-konferma ta’ Adrian Delia bħala Kap.
Analiżi mill-gazzetta KullĦadd tal-paġni uffiċjali li permezz tagħhom dawn id-deputati jwasslu l-propoganda tagħhom kontinwament turi li kienu sitta biss dawk li b’xi mod esprimew sodisfazzjon jew tal-inqas kellhom xi messaġġ x’jgħaddu wara li Delia rebaħ il-vot.
B’hekk għoxrin membru ieħor tal-grupp parlamentari għażlu li ma jgħidu xejn dwar il-fatt li Adrian Delia se jibqa’ jmexxi sal-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Fost dawk li kellhom xejn xi jlissnu kien hemm uħud mill-iktar deputati kritiċi tal-Kap bħal Jason Azzopardi, Karol Aquilina u Simon Busuttil. Nies li l-midja soċjali tagħhom hij attiva kontinwament.
Bħalhom kienu siekta għalkollox nies bħal Karl Gouder, Claudio Grech, Therese Comodini Cahchia u Mario De Marco.
Forsi jispikka iktar il-fatt li ż-żewġ viċi-kapijiet tal-partit, David Agius u Robert Arrigo wkoll kienu kawti fuq il-paġna tal-Facebook u la kellhom kelma ta’ awguri għall-Kap u lanqas messaġġ xi jwasslu.
Saħansitra Robert Arrigo ma ddikjarax l-appoġġ tiegħu lil Delia meta kien mitlub jikkummenta minn ONE NEWS.
Anke nies li dejjem iddikjaraw il-fiduċja f’Delia qagħdu lura milli jurtaw kostitwenti tagħhom li jaħsbuha mod ieħor b’deputati bħal Toni Bezzina u Ryan Callus qagħdu attenti ħafna biex ma jidħlux bejn il-basla u qoxritha.
Anke għaliex huma konxji li filwaqt li mijiet ta’ kunsillieri ma vvotawx għal Delia jew saħansitra ma marrux, din in-nuqqas ta’ fiduċja tinħass mifruxa iktar madwar il-pajjiż.
Kien id-Deputat Għawdxi Kevin Cutajar fost il-ftit li ħalla messaġġ dwar l-impatt tar-riżultat.
Edwin Vassallo minn naħa tiegħu rrikonoxxa wkoll kemm hemm kontra Adrian Delia meta kiteb li “dwar il-kap m’għandniex bżonn inkunu tal-istess fehma.”
Kristy Debono, Robert Cutajar, Carmelo Mifsud Bonnici lkoll xerrdu r-ritratt li ħabbar ir-rebħa ta’ Delia, filwaqt li s-Segretarju Ġenerali Clyde Puli kiteb “Mument ta’ sodisfazzjon wara ġimgħa mill-iktar impenjattiva.”
Is-skiet ta’ bosta deputati Nazzjonalisti huwa skiet li jbeżża’ iktar milli skiet li jtarrax.
Dan għax hemm uħud fosthom li mkejjen fil-Partit Nazzjonalista spjegaw li ftit jistgħu jarawhom jaħdmu ma’ Adrian Delia wara dak kollu li qalu dwaru fl-aħħar xhur.
Fil-fatt l-inkwiet jikber meta ssir referenza għal rapporti fl-aħħar jiem li seta’ kien hemm diskussjonijiet mal-Partit Demokratiku bil-għan li titwieled xi koailazzjoni ġdida.