Għaddew tlett ijiem mindu feġġ il-każ tal-uffiċjal tal-Pulizija Kurt Rizzo u l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola għadha fommha sieket.
Rizzo, li ġie sospiż mill-Korp, wara allegazzjonijiet ta’ suspetti ta’ ħruġ ta’ informazzjoni lil terzi u abbuż ta’ droga, kien jidher kemm-il darba spalla ma’ spalla ma’ Metsola f’impenji uffiċjali u m’humiex meta tkun f’Malta.
ONE News jinsab infurmat li Metsola kienet titlob biex Rizzo jkun parti mill-iskorta tas-sigurtà tagħha meta tkun f’Malta, u xhieda ta’ dan huma l-għexieren ta’ ritratti tagħha li fihom jidher ħdejha Kurt Rizzo bħala uffiċjal tas-sigurtà tagħha.
Anke l-media indipendenti nnutaw dan fir-rapporti tagħhom u sostnew li Rizzo kien regolarment ikun parti mill-uffiċjali tas-sigurtà ta’ Metsola. Iżda mindu feġġ dan il-każ, il-President tal-Parlament Ewropew baqgħet b’fommha sieket.
Rizzo, li jifforma parti mill-Ispecial Intervention Unit, l-SIU, allegatament ittestja pożittiv għad-droga kokaina u kien involut f’leaks ma’ traffikanti tad-droga. Kurt Rizzo huwa iben l-ex Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo, li huwa l-membru nominat mill-Partit Nazzjonalista fil-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni.
Rizzo bħalissa jinsab fuq police bail u qed jiġi investigat, fost l-oħrajn fuq reati kriminali serji li jimplikaw leaks lil traffikanti tad-droga.